Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Żidiet qawwija fil-passiġġieri li wżaw l-Airmalta matul Mejju u Ġunju

F'Mejju l-Airmalta esperjenzat żieda ta' 38% u f'Ġunju żieda ta' 42% meta mqabbel mal-2017

Albert Gauci Cunningham / 17 ta' Lulju 2018 11:34
Ċifri li nħarġu llum mill-Air Malta juru li matul ix-xahar ta’ Mejju, l-Air Malta rreġistrat żieda ta’ +38% fil-passiġġieri fuq in-netwerk kollu tagħha. F’Ġunju, iċ-ċifra żdiedet għal +42% meta mqabbel max-xahar korrispondenti tas-sena l-oħra. Matul dawn ix-xahrejn, total ta’ 386,504 passiġġier inġarru mill-Air Malta fuq in-netwerk kollu tagħha, li jinkludi titjiriet tan-netwerk intra-Ewropew li ma jgħaddux minn Malta.

Dan it-tkabbir huwa rifless ukoll fuq rotot ibbażati Malta, fejn l-Air Malta kkontribwixxiet għal 50% tat-tkabbir irreġistrat mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta matul Mejju u Ġunju, fejn 89,918 passiġġier mil-178,976 passiġġier addizzjonali ġew bis-saħħa tal-Air Malta. Ir-rotta lejn Munich marret l-aħjar matul Mejju, fejn inġarru total ta’ 3,823 passiġġier, filwaqt li f’Ġunju, Katanja rat 6,742 passiġġier addizzjonali meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena l-oħra.

Dan it-tkabbir pożittiv fl-għadd tal-passiġġieri ġie rifless fin-netwerk kollu. L-introduzzjoni ta’ tliet servizzi intra-Ewropej bejn Katanja – Vjenna, Katanja – Londra Southend u Cagliari - Londra Southend ukoll ikkontribwixxiet għal dan it-tkabbir u ġġeneraw 13,000 passiġġier.

"Dawn ir-riżultati jagħtuna l-fiduċja li ninsabu mexjin fit-triq it-tajba. Dan it-tkabbir ntlaqa’ b’mod pożittiv min diversi sieħba tagħna fil-qasam tat-turiżmu"
Charles Mangion
 Paul Sies, il-Kap Kummerċjali tal-Air Malta, stqarr li dawn irriżultati impressjonanti huwa frott tal-istrateġija u l-viżjoni li l-linja tal-ajru nediet fl-aħħar ftit xhur. “Aħna ninsabu kuntenti ferm b’dawn ir-riżultati. Bl-istrateġija tat-tkabbir tagħna dħalna f’21 suq ġdid u żidna ttraffiku fuq in-netwerk tagħna. Il-maġġoranza assoluta tar-rotot il-ġodda tagħna qegħdin imorru tajjeb. Il-'bookings' għas-sajf jidhru pożittivi, iżda aħna nibqgħu kkonċentrati biex inkomplu nagħtu spinta lill-bejgħ b’diversi promozzjonijiet li joħorġu minn żmien għal żmien. Ninsabu fiduċjużi li nistgħu nieħdu l-linja tal-ajru lura għall-profitabbiltà billi nkabbruha permezz ta’ rotot ġodda u aktar passiġġieri,” huwa żied.

Iċ-Chairman tal-Air Malta, Dr Charles Mangion, żied, “Dawn ir-riżultati jagħtuna l-fiduċja li ninsabu mexjin fit-triq it-tajba. Dan it-tkabbir ntlaqa’ b’mod pożittiv min diversi sieħba tagħna fil-qasam tat-turiżmu li għal darb’oħra qegħdin jaraw lill-Air Malta bħala Linja tal-Ajru li qiegħda tikber. Mhux biss qed inżidu l-passiġġieri, iżda qed intejbu wkoll is-‘seat factors’. Bil-wasla tal-ajruplan Airbus A320neo ġdid fjamant tagħna, issa għandna flotta kompluta u ninsabu ħerqanin li nkomplu l-proċess tarrinnovazzjoni tal-flotta tagħna fix-xhur li ġejjin.”

"L-istrateġija biex niżviluppaw il-linja tal-ajru qiegħda tagħti l-frott u dawn ir-riżultati juru li l-linja tal-ajru żgur li tista’ tikkompeti fis-suq kompetittiv ferm tal-avjazzjoni"
Konrad Mizzi
Konrad Mizzi, il-Ministru għat-Turiżmu, qal li “bħala l-Gvern u shareholder prinċipali tal-linja tal-ajru, dawn iċ-ċifri ta’ tkabbir verament jagħtuna kuraġġ. L-istrateġija biex niżviluppaw il-linja tal-ajru qiegħda tagħti l-frott u dawn ir-riżultati juru li l-linja tal-ajru żgur li tista’ tikkompeti fis-suq kompetittiv ferm tal-avjazzjoni u żżid is-sehem tagħha fis-suq. Dawn iċ-ċifri jawguraw tajjeb għall-futur mhux biss għall-Air Malta iżda għall-gżejjer Maltin, li jiddependu ferm fuq il-kontribuzzjoni tal-Linja tal-ajru għall-ekonomija Maltija.” 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook