Il-Kurja ‘b’diskussjonijiet’ dwar il-projbizzjoni tal-logħob tan-nar

Minkejja li f’Mejju li għadda l-Kurja kienet fakkret li l-logħob tan-nar minn fuq il-knejjes huwa pprojbit, mal-gazzetta ILLUM tgħid li dwar dan għaddejjin diversi diskussjonijiet

Il-Kurja tal-Arċisqof qalet mal-gazzetta ILLUM li għaddejjin diskussjonijiet dwar il-policy tagħha li tipprojbixxi l-logħob tan-nar minn fuq il-bjut tal-knejjes jew inkella binjiet oħra li huma proprjetà tagħha.

Hekk kif l-istaġun tal-festi jinsab fl-aqwa tiegħu, il-gazzetta ILLUM bagħtet tistaqsi lill-Kurja jekk kienx hemm għaqdiet tal-festi li talbu li jitkellmu magħha biex jintlaħaq kompromess, dwar il-logħob tan-nar minn fuq il-knejjes.

Dan anke għax hawn festi li minħabba limitazzjonijiet, jew raġunijiet varji,  ma jistgħux jaħarqu logħob tan-nar tradizzjonali u kienu jiddependu minn xi kaxxa, magħrufa taċ-Ċina, jew inkella musketterija minn fuq il-bejt tal-knisja.

Minkejja li l-policy tagħmilha ċara li “ma għandhomx isiru eċċezzjonijiet,” il-kelliem għall-Arċidjoċesi, Kevin Papagiorcopulo, qal li dwar din il-kwistjoni “għadhom għaddejjin diskussjonijiet b’diversi laqgħat.”

Skiet dwar l-ispettaklu tal-Mellieħa

L-aktar li huma magħrufa għal-logħob tan-nar minn fuq il-knisja huma l-Melliħin li lejlet il-festa tal-Bambina jtellgħu spettaklu ta’ logħob tan-nar sinkronizzat li jiġbed eluf ta’ nies lejn il-pjazza tal-parroċċa.

L-ILLUM staqsiet dwar dan l-ispettaklu partikolari, fosthom jekk saritx laqgħa mad-dilettanti tan-nar Melliħin, iżda l-kurja għażlet li ma tweġibx din il-mistoqsija u minflok iżżomm mar-risposta ġenerali.

Ftit jiem biss wara li l-Kurja fakkret li l-logħob tan-nar minn fuq proprjetà tagħha huwa pprojbit, l-għaqda tan-nar tal-Mellieħa kienet kitbet post fuq Facebook biex tfakkar f’dan l-ispettaklu annwali.

Nhar il-Ħadd 13 ta’ Mejju, din il-gazzetta kienet saħansitra staqsiet lill-Arċipriet, il-Kanonku Joe Camilleri, jekk l-ispettaklu hux se jsir u kien qal biss li kienu għaddejjin diskussjonijiet mal-għaqda tan-nar.

Din il-ġimgħa staqsiet lill-istess Arċipriet dwar jekk ittiħditx deċiżjoni u jekk dan l-ispettaklu hux se jsir. Minkejja dan, Dun Joe Camilleri qal biss li d-deċiżjoni tittieħed mill-Kurja u kwalunkwe mistoqsija għandha tkun indirizzata lilha.

Deċiżjoni simili fuq id-dwal mal-faċċati?

Hu mifhum li l-Kurja kienet ħadet din id-deċiżjoni biex ma ssirx ħsara lill-faċċati tal-knejjes u kien għalhekk li l-gazzetta staqsiet lill-Kurja jekk hux tikkunsidra li tieħu deċiżjoni simili fuq id-dwal mal-faċċati tal-knejjes fi żmien il-festa.

Dan anke għax diversi parroċċi diġà, minn jeddhom, iddeċidew li jneħħu jew inaqqsu d-dwal li jinxtegħel mal-faċċati tal-knejjes fi żmien il-festa.

Għal din il-mistoqsija, il-gazzetta ILLUM baqgħet mingħajr tweġiba.

More in Socjali