Għassa 24 siegħa kuljum mal-bajd tal-fkieren fil-Ġnejna

Dan wara li fekruna telgħet u biedet numru sostanzjali ta' bajd fuq il-bajja

Il-Ministeru għall-Ambjent qal li qed jaħdem flimkien mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, PARKs, in-Nature Trust u l-Korp tal-Pulizija biex tingħata protezzjoni 24 siegħa kuljum lill-bajd tal-fkieren li nstabu fil-Bajja tal-Ġnejna.

Dan wara li aktar kmieni, fekruna telgħet mill-baħar u biedet numru sostanzjali ta' bajd fuq il-bajja.

Fi stqarrija, il-Ministeru qal li se jkun qed jipprovdi uffiċjali biex jassistu lill-voluntiera huma u jgħassu l-bajd tal-fkieren.

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi se tkun qed toħroġ Ordni Urġenti għall-Konservazzjoni biex tassigura li jkun hemm protezzjoni diretta f'din iż-żona.

Minħabba l-fatt li fl-aħħar ħin niżlet ħafna xita dan jista' jwassal għall-kumplikazzjonijiet u għalhekk se jkun assigurat li ma jkun hemm l-ebda periklu għall-bajd u aktar tard għall-fkieren meta dawn ifaqqsu.

Kemm l-istorbju u anke ammont eċċessiv ta' dawl artifiċjali huma fost l-affarijiet li jistgħu ipoġġu l-ħajja ta' dawn il-fkieren fil-periklu u għalhekk l-awtoritajiet qed jitolbu l-kollaborazzjoni tal-pubbliku li jżur din il-bajja.

More in Socjali