Il-Parlament Ewropew japprova regoli ġodda dwar l-użu tad-drones

Skont ir-regoli l-ġodda, id-drones għandu ikunu ddisinjati biex ikunu jistgħu jitħaddmu mingħajr ma jipperikolaw lin-nies

Il-ġimgħa li għaddiet, l-MEPs approvaw ftehim informali li ntlaħaq bejn in-negozjaturi tal-Kunsill u l-Parlament f’Novembru 2017 dwar regoli għad-drones u l-operaturi tad-drones biex ikun hemm livell komuni ta’ sigurtà u biex l-operaturi u l-produtturi jkunu jistgħu jiżviluppaw il-prodotti u s-servizzi f’qafas legali prevedibbli. Attwalment il-biċċa l-kbira tad-drones jaqgħu taħt regoli nazzjonali differenti, u dan jaf ixekkel l-iżvilupp tagħhom.

Skont ir-regoli l-ġodda, id-drones ikollhom ikunu iddisinjata biex ikunu jistgħu jitħaddmu mingħajr ma jipperikolaw lin-nies.  Abbażi tar-riskju potenzjali, ikkalkolat pereżempju fir-rigward tal-piż tad-drone jew iż-żona li fiha jittajjar, id-drone ikollu jkun mgħammar b’elementi ta’ sigurtà addizzjonali, bħall-inżul awtomatiku fil-każ li l-operatur jitlef il-kuntatt mad-drone jew sistemi li jevitaw il-kolliżjonijiet. 

L-operaturi tad-drones ikollhom ikunu jafu r-regoli kollha li japplikaw għalihom u jkunu kapaċi joperaw drone b’mod sigur.  Dan ifisser li ċerti operaturi ser ikollhom jirċievu taħriġ qabel ma jkunu jistgħu joperaw drone.

Sabiex l-operatur ta’ drone ikun jista’ jiġi identifikat f’każ ta’ inċident, l-operaturi għandhom ikunu fuq reġistri nazzjonali u d-drones tagħhom immarkati biex ikunu jistgħu jiġu identifikati.  Dan mhux ser jikkonċerna l-iżgħar drones.

Regoli iżjed dettaljati jkollhom jiġu żviluppati mill-Aġenzija Ewropeja għas-Sigurtà tal-Avjazzjoni u l-Kummissjoni abbażi tal-prinċipji stabbiliti b’dawn ir-regoli.

Modernizzar tar-regoli dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni

Ir-regoli adottati jaġġornaw ukoll il-liġijiet tal-UE dwar is-sigurtà fis-settur tal-avjazzjoni biex tiġi indirizzata ż-żieda mistennija fit-traffiku tal-ajru fis-snin li ġejjin.

Bidliet oħra jtejbu l-kooperazzjoni bejn l-aġenzija tal-UE għas-sigurtà tal-avjazzjoni u l-awtoritajiet nazzjonali meta jiġu valutati r-riskji fir-rigward ta’ titjiriet li jgħaddu minn fuq żoni ta’ konflitt.  Il-Kummissjoni tirċievi wkoll id-direttiva biex tiżviluppa standards għat-tniżżil f’ħin reali tad-data mit-tagħmir ta’ reġistrazzjoni meta ajruplan ikollu l-problemi.

Ir-regoli issa jridu jiġu adottati mill-ministri tal-UE.

Attwalment id-drones b’piż ta’ inqas minn 150Kg kienu rregolati fil-livell nazzjonali.  Dan kien qed jirriżulta fi frammentazzjoni regolatorja.

It-teknoloġija tad-drones ċivili tista’ tammonta għal madwar 10% tas-suq tal-avjazzjoni tal-UE fl-10 snin li ġejjin (madwar EUR 15-il biljun fis-sena).  Skont il-Kummissjoni l-industrija tad-drones tista’ toħloq madwar 150,000 impjieg fl-UE sal-2050.

More in Socjali