Ħafna homework u ftit sport iżda t-tfal Maltin kuntenti hekk...

It-tfal Maltin kif iqattgħu l-ħin tagħhom? Għandhom ċans għalihom infushom? Kuntenti biż-żona fejn jgħixu u bl-ispazji fejn jilagħbu? It-tfal iwieġbu..

It-tfal Maltin huma mħassba biż-żona ta’ fejn joqogħdu, in-nies li jkunu fl-istess żona u bil-postijiet fejn jistgħu jilagħbu.

Dan ħareġ fi studju li sar mill-Professur Carmel Cefai u li ġie ppubblikat fi ktieb internazzjonali, liema studju jagħmel parti wkoll minn żewġ proġetti internazzjonali dwar il-benessri tat-tfal.

Fost is-sejbiet l-aktar interresanti ta’ dan l-istudju hemm il-fatt li t-tfal Maltin li għandhom 8 snin, meta mqabbla ma’ tfal ta’ 15-il pajjiż ieħor, huma fost l-inqas kuntenti biż-żona ta’ fejn jgħixu, fejn jistgħu jilagħbu u bin-nies li joqogħdu jew ikunu fiż-żona, anke jekk il-maġġoranza tal-parteċipanti wieġbu li huma kuntenti.

Kważi terz ta’ dawn l-istudenti wrew it-tħassib tagħhom għall-fatt li ma tantx għandhom fejn jilagħbu jew jgħaddu ż-żmien, filwaqt li wieħed minn kull ħames parteċipanti wieġbu li ma jħossuhomx siguri jimxu fiż-żona fejn joqogħdu, b’mod partikolari l-bniet u t-tfal ta’ età iżgħar.

Dan irriżulta wkoll fil-parti kwalitattiva tal-istudju meta wħud mit-tfal urew it-tħassib tagħhom ukoll dwar is-sigurtà taż-żona fejn jgħixu, kemm minħabba l-kriminalità, it-traffiku u anke l-istranġieri, tant li kien hemm tfal li minħabba f’hekk qalu li “huma kostretti li jibqgħu d-dar.” 

It-tfal stess, li ħadu sehem f’dan l-istudju saħqu li jixtiequ li jkun hawn aktar żoni siguri, fil-lokalità fejn jgħixu, biex ikunu jistgħu jiltaqgħu ma’ tfal oħra, jilagħbu u jieħdu sehem f’attivitajiet oħra, fosthom sport u eżerċizzju. Huma stess semmew il-bżonn li jkun hawn spazji miftuħa, żoni mingħajr karozzi, ġonna, ċentri tal-isport u anke karreġġjati għaċ-ċiklisti.

“Spazji bħal dawn jgħinu lill-istudenti biex isibu bilanċ akbar bejn ix-xogħol tal-iskola, l-użu tal-kompjuters, il-midja soċjali u t-televixin fuq naħa u l-isport, l-eżerċizzju u l-attivitajiet organizzati fuq in-naħa l-oħra,” jisħaq Cefai.

Il-homework u t-televixin l-aktar li jieħdu ħin

Mill-kwestjonarju mqassam lit-3,000 student, irriżulta li t-tfal Maltin iqattgħu l-aktar ħin jagħmlu l-homework, jaraw it-televixin u jużaw il-kompjuter.

Fil-fatt,  93% wieġbu li jagħmlu l-homework kuljum, 72% qalu li jaraw it-televixin kuljum u 67% jqattgħu ammont ta’ ħin fuq il-kompjuter.

Wara dawn, it-tfal Maltin iqattgħu l-aktar ħin jgħinu fid-dar u jaqraw bħala passatemp.

Mill-banda l-oħra, l-isport, attivitajiet organizzati u l-privat huma fost l-inqas popolari.

49% ta’ dawk li wieġbu qalu li jipprattikaw l-isport kuljum filwaqt li 12% qalu li rarament jew qatt ma jieħdu sehem f’attivitajiet sportivi.

Fejn jidħlu attivitajiet organizzati minn klabbs jew gruppi, 22% biss wieġbu li jqattgħu ħin kuljum f’dawn l-attivitajiet filwaqt li 35% wieġbu li kważi qatt ma jieħdu sehem.

Subien u bniet f’attivitajiet differenti

Minkejja li ħafna jaħsbu li d-differenza bejn is-subien u l-bniet hija xi ħaġa tal-passat, l-istħarriġ sab li ċertu attivitajiet jibqgħu popolari mas-subien filwaqt li l-bniet iqattgħu l-ħin jagħmlu affarijiet differenti.

Fil-fatt, is-subien iqattgħu aktar ħin jieħdu sehem f’attivitajiet organizzati, l-isport jew fuq il-kompjuter mill-bniet.

Mill-banda l-oħra, x’aktarx li l-bniet jippreferu jqattgħu l-ħin liberu tagħhom billi jaqraw, jgħinu fix-xogħol tad-dar, jagħmlu l-homework jew jgħinu lill-oħrajn.

Din id-differenza ħarġet ukoll fil-parti kwalitattiva tal-istudju. Tant hu hekk li fl-iskejjel sekondarji, is-subien qalu mar-riċerkaturi li jippreferu jqattgħu l-ħin jilagħbu l-futbol, imorru dawra bir-rota jew jilagħbu l-isnooker, filwaqt li l-bniet qalu li x’aktarx jintefgħu jisimgħu d-diski.

Il-biċċa l-kbira tat-tfal Maltin, madwar 80%, huma kuntenti bil-mod kif iqattgħu l-ħin liberu tagħhom, bis-subien ikunu aktar kuntenti mill-bniet, x’aktarx għax dawn tal-aħħar iqattgħu aktar ħin jieħdu ħsieb lill-oħrajn milli jagħmlu dak li vera jieħu gost jagħmlu.

Kuntenti kif iqattgħu l-ħin liberu?

Jirriżulta wkoll li t-tfal Maltin li għandhom 12-il sena huma inqas kuntenti bil-mod kif iqattgħu l-ħin, anke għax x’aktarx ikollhom aktar xogħol tal-iskola x’jagħmlu u x’jistudjaw.

Filwaqt li 81% tat-tfal ta’ tmien snin huma kuntenti b’dak li jagħmlu fil-ħin liberu tagħhom, kienu 63% ta’ dawk li għandhom bejn l-10 u t-12-il sena li wieġbu l-istess.

L-istudju jagħmel ukoll referenza għal stħarriġ ieħor li wera kif it-tfal Maltin huma l-aktar li għandhom pressjoni minħabba x-xogħol tal-iskola fost 40 pajjiż ieħor fl-Ewropa.

Fost l-inqas attivi minn 15-il pajjiż

L-istess studju sab kif meta mqabbla ma’ tfal minn 15-il pajjiż ieħor, is-subien u l-bniet Maltin li għandhom 8 snin huma fost l-inqas tfal attivi u l-aktar li jqattgħu ħin fuq il-kompjuter.

Fil-fatt huwa kważi l-inqas li jipprattikaw xi sport jew jagħmlu eżerċizzju.

Intant, it-tfal li huma ftit akbar huma l-aktar li jqattgħu ħin jaqraw fil-ħin liberu u jagħmlu x-xogħol għad-dar iżda wkoll fost l-inqas li jipprattikaw xi sport jew jagħmlu l-eżerċizzju.

L-istudju kkonkluda wkoll li aktar ma jikbru, aktar hemm ċans li t-tfal iqattgħu inqas ħin jipprattikaw l-isport jew l-eżerċizzju u aktar ħin jagħmlu x-xogħol għad-dar, jaraw it-televixin jew fuq il-kompjuter, partikolarment il-bniet.

Fid-dawl ta’ dan, Cefai jikkwota studji oħra li juru kif in-nuqqas ta’ eżerċizzu minn din l-età, x’aktarx li se jkollu impatt dirett fuq ir-rata tal-obeżità f’Malta fost it-tfal u l-adulti u studju ieħor dwar mard fiżiku u psikoloġiku marbut mal-ħxuna żejda.

Fatti dwar it-tfal Maltin

  • It-tfal Maltin ta’ bejn il-11 u l-15-il sena huma l-aktar li għandhom piż żejjed fost 40 pajjiż tal-Ewropa (WHO 2016)
  • Studju fost l-istudenti kollha tal-primarja u s-sekondarja sab li 40% tat-tfal Maltin għandhom piż żejjed jew huma obeżi. (Grech et al. 2017)
  • 30% biss tas-subien u 10% tal-bniet jagħmlu siegħa eżerċizzju kuljum. Kwart tat-tfal iqattgħu aktar minn sagħtejn jaraw it-televixin kuljum u l-ħin jirdoppja fi tmiem il-ġimgħa (Decelis et al. 2014).
  • 11% biss tal-Maltin li għandhom bejn il-15 u t-30 sena ħadu sehem f’attivitajiet organizzati minn klabbs tal-isport fl-aħħar sena. Dan meta l-medja tal-Unjoni Ewropea hija ta’ 29%. (Ewrobarometru, 2018).

Il-metodoloġija użata

L-istudju huwa maqsum fit-tnejn, parti kwantitattiva u parti kwalitattiva.

Fil-parti kwantitattiva, intagħżlu 3,000 tifel u tifla li għandhom 8, 10 u 12-il sena minn skejjel tal-istat, tal-knisja u privati. Dan it-tfal wieġbu kwestjonarju.

Fil-parti kwalitattiva, intagħżlu żewġ skejjel tal-Gvern, waħda primarja u l-oħra sekondarja, li jinsabu waħda fit-Tramuntana u l-oħra fin-Nofsinhar tal-pajjiż.

Minn kull skola ntagħżlu 10 studenti, subien u bniet, li għandhom 8/9 snin u 12/13–il sena. Dan ħadu sehem f’focus groups.

L-istudju huwa parti minn żewġ proġetti akbar: Children’s Worlds International Quantitative Study of Children’s Subjective Wellbeing u Children’s Understanding of Wellbeing.

More in Socjali