78% tal-Maltin jgħidu li f’sena ma jattendux għal avveniment sportiv wieħed

Ċifri ġodda juru li l-Maltin ma tantx huma ħerqana sabiex jattendu xi avveniment sportiv

 

Erbgħa minn kull ħames persuni li jgħixu f’Malta qalu li tul l-aħħar sena fl-ebda ħin, ma attendew għal avveniment sportiv; bħal ngħidu aħna xi logħba futbol. L-istudju sab li 10% biss tal-Maltin qalu li attendew għal xi avveniment sportiv għal tliet darbiet fis-sena. Filwaqt ukoll li 11.5% qalu li marru għal xi avveniment ta’ dan it-tip erba’ darbiet f’sena.

Meta mqabbla mal-bqija tal-pajjiżi tal-UE, il-Maltin huma r-raba’ fost dawk li l-anqas isegwu avvenimenti ta’ dan it-tip. Bl-aktar pajjiż fejn l-interess huwa fjakk ikun ir-Rumanija (83.8%).

L-istess studju kkonkluda li teżisti probabbiltà akbar li dawk ta’ livell ogħla ta’ skola  jsegwu avvenimenti sportivi (85.3%) meta kkumparat ma’ dawk inqas livell ta’ skola (67.8%). Fl-istess waqt 83.2% tan-nisa qalu li f’sena sħiħa ma marru jaraw l-ebda avveniment sportiv. Għall-irġiel din ir-rata kienet ftit anqas baxxa, b’73.2%.

Dawn il-figuri ġew żvelati minn studju ġdid tal-Eurostat, li hi l-fergħa responsabbli mill-ġabra u ħażna ta’ statistika fl-Unjoni Ewropea (UE). Ir-rapport għalkemm iffukat fuq l-isport, ġabar fih aspetti differenti dimunitattivi mill-isport bħal: kummerċ, parteċipazzjoni,attendenza u impjiegi f’dan is-settur. Għal fini ta’ riċerka, l-informazzjoni provduta f’dan ir-rapport kienet titratta individwi ta’ ’l fuq minn 15-il sena.

Antvin Monseigneur - ġurnalist u preżentatur sportiv  

Fid-dawl ta’ din il-figura, il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-ġurnalist u preżentatur sportiv, Antvin Monseigneur. Fil-kummenti skjetti tiegħu Antvin sostna li “din hi figura, inkwetanti ħafna. Naħseb li fattur prinċipali li qed wassal għal dan in-nuqqas huwa, il-korruzjoni li sfortunatament fniet l-isport lokali b’mod speċjali il-futbol,” saħaq Monseigneur.

“Fil-każ tal-football, intilfet il-fiduċja kollha minn dawk li kienu tant isegwu mill-viċin. Meta għal darba, darbtejn u saħansitra tliet darbiet il-korruzzjoni laħqet l-ogħla livell meta għeżżet it-tim nazzjonali tal-kbar u dak ta’ taħt-il 21 sena, dan l-iskandlu ġab fix-xejn il-valuri morali tal-plejer lejn il-flokk wisq aktar lejn pajjiżu,” saħaq Monseigneur.

F’Jannar ili għadda, il-Bord tal-Kontroll, l-Etika u d-Dixxiplina tal-UEFA impona sospensjoni fuq sitt plejers ta’ taħt-il 21 sena ta’ Malta. Dan wara każ ta' tixħim li sar lura fl-2016 waqt il-logħbiet kontra l-Montenegro u r-Repubblika Ċeka. Fost is-sitt plejers Kyle Cesare ta' 22 sena, u Emanuel Briffa ta' 23 sena kienu ġew sospiżi għal għomorhom.

Il-ġurnalist kompla jgħid kif  “min suppost qed jaċċerta li l-futbol jimxi  ’l quddiem mhux qed jagħti kas u qed jieħu ħsieb li jkompli jżomm il-kariga. Huwa diffiċli immens biex wieħed jerġa' jiġġenera interess fil-futbol biss nemmen li jekk ikun hemm bidla kompleta speċjalment fil-mentalità nistgħu nerġgħu nibdew naraw tibdil kif ukoll suċċessi,” irrimarka Monseigneur.

“Imbagħad għandek sport ieħor f’pajjiżna li ħa daqqa ’l fuq insemmu: il -waterpolo, weightlifting, bowling, snooker kif ukoll karozzi hekk kif Malta għandna l-aktar sewwieq veloċi fl-Ewropa tad-dragster,” sostna Monseigneur.

Hu kompla jgħid kif, “minkejja dan għad hemm min jemmen l-isport huwa futbol biss... jiena nemmen bil-kontra, il-futbol qed nagħtuh importanza li ma jistħoqlux u qed ninsew l-isport li qed jagħmel suċċess. L-isport l-ieħor ma għandu l-ebda promozzjoni, però bis-suċċessi li qed jikseb il-popolarità aktar ma tmur, aktar qed tikber,” temm jgħid il-ġurnalist.

Il-Maltin kif jinvolvu ruħhom fl-eżerċizzju fiżiku? 

Apparti mill-attendanza għal avvenimenti sportivi, l-istudju stħarreġ il-parteċipazzjoni tal-Maltin fl-isport u eżerċizzju fiżiku. 50% tal-parteċipanti f’dan l-istudju qalu li l-isport aerobiku jiġifieri attivitajiet sportivi bħal; mixi, ġiri, għawm u futbol kien il-mod kif huma jipparteċipaw fl-isport. Filwaqt li 8% kienu dawk li qalu li jagħmlu eżerċizzju fiżiku fil-gym. Intant kienu 73% Maltin jgħidu li l-pass huwa l-mod kif huma jaslu minn post għal ieħor.

Skont l-istatistika l-Finlandja, id-Denimarka u l-Isvezja kienu l-aktar tliet pajjiżi li huma ingaġġati fl-eżerċizzju fiżiku b’aktar minn 70% tal-parteċipanti jgħidu li jagħmlu eżerċizzju fiżiku ta’ tip differenti tul il-ġimgħa.

Fuq nota differenti, Malta rreġistrat ukoll it-tieni l-agħar rata ta’ użu ta’ roti fit-toroq, b’3.9%.

Opportunitajiet ta’ xogħol fl-isport? 

L-istħarriġ tal-Eurostat indaga wkoll ir-relazzjoni bejn l-isport u l-impjiegi fl-UE. Skont l-informazzjoni provduta, b’kollox aktar minn miljun u nofs persuna huma ingaġġati f’dan is-settur madwar il-pajjiżi kollha tal-UE. Minn dawn li jaħdmu f’dan is-settur, 55% huma rġiel filwaqt li 45% huma nisa. L-impjiegi jvarjaw minn kowċis u atleti professjonali kif ukoll pożizzjonijiet li huma imperativi għall-operat ta’ ċentri ta’ eżerċizzji bħal receptionists.

L-isport kif qed jiġġenera l-kummerċ? 

Skont dan ir-rapport l-isport qed ikun fattur importanti fl-ekonomija tal-pajjiżi membri stati, dan minħabba ż-żieda ta’ importazzjoni u esportazzjoni ta’ tagħmir sportiv mill-pajjizi tal-Unjoni Ewropea. F’temp ta’ disa’ snin dawn il-figuri f’Malta żiedu, żieda stratosferika hekk kif lura għal 2016 Malta kienet timporta mas-67,769 f’tagħmir sportiv, fl-2016 Malta importat 668,372 f’tagħmir sportiv. L-iktar tliet pajjiżi li jesportaw tagħmir sportiv huma: il-Ġermanja b’4,152,652, l-Italja b’3,835,672 u l-Olanda b’3,501,930. F’Malta l-esportazzjoni ta’ dan it-tagħmir sportiv tlaħħaq l-€3,992.

Liema prodotti sportivi huma l-aktar popolari? 

Skont l-informazzjoni li ġabret l-EUROSTAT, l-aktar prodotti u tagħmir sportiv li jiġi esportat mill-pajjiżi tal-UE huma dgħajjes u affarijiet oħra relatati mal-isport tal-baħar. Dawn kienu segwiti minn, affarijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ ġinnastika, għawm u atletika b’10.6% u affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-iskijar b’5.8%.

Min-naħa l-oħra, l-aktar affarijiet li ġew importati mill-pajjiżi tal-UE kienu żraben sportivi b’total ta’ 25.7%, apparat tal-ġinnansitika, għawm u atletika b’21.2% u dgħajjes u tgħammir sportiv tal-baħar, 20.6%.

More in Socjali