‘Stajt kont jien. Bħali kienet omm b’żewġt itfal...’

Traġedja tħalli marka fuq il-vittma. Iżda mhux il-vittmi biss li jgħaddu minn trawma wara traġedja bħal dik taż-Żurrieq. L-Illum titkellem ma’ Krista Tabone minn Victim Support Malta

It-Tnejn 9 ta’ April kienet pjuttost ġurnata kwieta, iżda malli daqqu l-erbgħa ta’ waranofsinhar, l-istazzjonijiet tat-televiżjoni u tar-radju, il-midja soċjali u s-siti tal-aħbarijiet kienu qed jitkellmu fuq traġedja waħda. Żewġ persuni tilfu ħajjithom u 50 indarbu wara li double-decker ħabtet ma’ siġra fiż-Żurrieq.

Malta kienet mixgħula, kulħadd kelma waħda. Malta pajjiż żgħir u aħbar hekk malajr tqajjem diskussjoni nazzjonali. L-istess kien ġara wara l-inċident ta’ Paqpaqli għall-Istrina. Il-filmat tan-nies feruti mal-art malajr dar kullimkien.

Inċidenti bħal dawn bla dubju se jħallu effett fuq il-vittmi u l-familji tagħhom, iżda anke fuq persuni li jkunu esposti għar-rapurtaġġ kontinwu, filmati u ritratti ta’ traġedja.

Dwar dan, il-gazzetta ILLUM tkellem mad-Direttur ta’ Victim Support Malta, Krista Tabone. Victim Support Malta hija organizzazzjoni mhux governattiva li toffri appoġġ u assistenza lill-vittmi ta’ reati kriminali u anke lill-vittmi u l-familji ta’ persuni li jkunu esperjenzaw il-mewt ta’ xi ħadd għażiż għalihom f’inċident, fost oħrajn.

Ma’ Tabone tkellimna fuq it-trawma u min hu l-aktar espost għaliha. Għalkemm l-aktar li huma suxxettibbli għal trawma huma dawk li esperjenzaw inċident direttament, inċident kbir bħal dak taż-Żurrieq jista’ jkun trawmatiku anke għal min ma kienx preżenti fuq il-post imma qara, sema’ jew ra filmati tal-inċident.

“Kellna nies li esperjenzaw trawma u ma jkunux esperjenzaw l-inċident direttament,” qalet Tabone waqt li fakkret ukoll fl-inċident ta’ Paqpaqli u l-filmati li kienu qed jintwerew kontinwament.

Iżda x’inhi trawma?

Tabone spjegat li huwa normali li meta wieħed jesprejenza jew reat kriminali, jew inkella kwalunkwe inċident ieħor, se jgħaddi xi ftit jew wisq minn trawma, aktar u aktar jekk ikun weġġa’ jew tilef lil xi ħadd u allura jkollu jaddattat ruħu għas-sitwazzjoni li sab ruħu fiha.

Hemm diversi livelli ta’ trawma li jiddependu fuq kemm persuna tkun esposta għal inċident. L-ewwel persuni li jkunu fuq xena ta’ reat jew inċident x’aktarx se jkunu l-pulizija, il-ħaddiema tal-protezzjoni ċivili, l-istaff mediku u anke l-ġurnalisti. Dawn, fi kliem Tabone, huma suxxettibbli li jesperjenzaw it-trawma. Ma’ dawn jingħaqdu wkoll persuni li jinzertaw għaddejin minn fuq il-post.

Iżda ma tiqafx hawn. Tabone tispjega li teżisti dik magħrufa bħala trawma nazzjonali, li pajjiż żgħir bħal Malta għandu aktar ċans li jgħaddi minnha. Fi kliem Tabone, reat jew inċident li jkun kbir iħalli effett fuq in-nazzjon kollu kemm hu.

Ikun hemm min jibda jidentifika lilu nnifsu ma’ vittma ta’ inċident. “Stajt kont jien. Bħali kienet omm b’żewġt itfal. Stajt kont jien fuq ix-xarabank. Kellu l-istess età tiegħi.”

Imbagħad hawn jidħlu dawk li la jkunu fuq il-post tar-reat jew l-inċident u lanqas qatt ma għaddew minn xi ħaġa simili, iżda jkunu esposti kontinwament għar-rapurtaġġ, filmati u ritratti. Illum dan faċli ħafna u sa ċertu punt lanqas għandek kontroll fuqu. Għaxar snin ilu kont faċilment titfi t-televixin jew ir-radju. Illum tidħol Facebook u kulħadd jitkellem u jixxerja r-ritratti u l-filmati.

Tista’ tkun trawmatika wkoll għal dawk li jipproduċu l-filmati għall-aħbarijiet jew il-programmi. Immaġina l-filmat ta’ Paqpaqli u l-għajjat tan-nies. Dawn qed jaraw l-istess filmat minn jaf għalkemm il-darba.

Tabone kompliet tispjega illi li kieku wieħed kellu jpoġġi bilqiegħda u jaħseb ftit, jinduna li aħna ngħixu kontinwamnent fil-periklu. Aħseb biss dwar meta tkun riekeb karozza. Li jiġri wara inċident huwa li persuna tkun aktar konxja tal-perikli li jeżistu madwarha. Tant hu hekk, li hawn persuni li wara li jkunu sfaw vittma jew esperjenzaw inċident tat-traffiku, jagħżlu li ma jsuqux karozza.

“Dan huwa normali,” saħqet Tabone. “Il-problema tinħoloq jekk it-trawma jew il-biża’ tippersiti,” u għalhekk tibda taffettwa lill-individwu fil-ħajja ta’ kuljum.

Fil-fatt, kelliem ieħor għall-istess organizzazzjoni qal ma’ din il-gazzetta li traġedja bħalma kienet dik taż-Żurrieq, tista’ tħalli effetti profondi fuq vittma jew individwu li esperjenza l-inċident u li jista’ jkollhom impatt fuq il-personalità tiegħu jew tagħha.

Dan kollu jista’ jinfluwenza u jkollu konsegwenzi fuq oqsma varji tal-ħajja ta’ kuljum tal-individwu, fosthom ir-relazzjonijiet, il-familja u x-xogħol.

X’inhuma s-sintomi tat-trawma?

Kien hawn li Krista Tabona tkellmet dwar dak li huwa magħruf bħala post-traumatic stress disorder (PTSD) u huwa għalhekk li l-organizzazzjoni tinsisti li vittmi, familjari u kull min iħossu milqut minn reat jew inkella inċident, ifittex l-għajnuna mill-ewwel. “Ma hemm xejn tal-mistħija f’li wieħed ifittex l-għajnuna.”

Tkellimna dwar dawk li huma s-sintomi tal-PTSD. Fost l-aktar komuni hemm il-flashbacks. Fi kliem Tabone, dawn huma aktar minn memorji tal-inċident jew reat. Persuna tħossha qed tgħix mill-ġdid l-inċident. Din is-sensazzjoni tista’ titqanqal minn xi oġġett jew ħoss li wieħed jassoċja mar-reat jew inċident, bħal pereżempju ħorn ta’ karozza.

Sintomi oħra jistgħu jinkludu ħolm ikrah jew inkella sens ta’ ħtija u responsabbilità li huwa akbar min-normal, dipressjoni, ansjetà anke dik soċjali, paranoja u anke phobia (biża’ kbira) minn affarijiet speċifiċi li l-individwu jassoċja mal-inċident.

Huwa propju għalhekk li wara li l-professjonisti jiċċertifikaw li individwu ma jkunx sofra ġrieħi jew inkella ma jkollu l-ebda problema oħra mill-aspett mediku, il-parir huwa li l-individwu jipproċessa dak li ra ma’ professjonist li jaħdem fil-qasam tas-saħħa mentali.

Jipproċessa? Kelma li tista’ tbeżża’! Fil-verità mhi xejn għajr li persuna titkellem dwar ix-xena u l-emozzjonijiet li jkun qed iħoss minħabba l-inċident.

X’servizzi toffri Victim Support Malta?

Għal dan il-għan, Victim Support Malta toffri firxa wiesgħa ta’ servizzi lill-vittmi ta’ reati kriminali, vjolenza domestika, stupru, fastidju sesswali, diskriminazzjoni u anke reati fuq l-internet.

Is-servizzi jvarjaw minn sapport emozzjonali għal informazzjoni legali u assistenza oħra parattika li vittma jew vittmi jista’ jkollhom bżonn.

Kull min jixtieq jistaqsi xi ħaġa jew ifittex għajnuna jista’ jibgħat imejl fuq [email protected], jew inkella jċempel fuq 21228333.

More in Socjali