‘Tqala mhix mixtieqa jista’ jkollha ħsara fuq is-saħħa tal-mara’

Lara Dimitijevic issemmi l-problemi finanzjarji bħala waħda mir-raġunijiet għalfejn għandu jiddaħħal l-abort

Id-Direttriċi tal-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa, Lara Dimitijevic, qalet mal-gazzetta ILLUM li wieħed għandu jħares lejn il-kwistjoni tal-abort mill-perspettiva tal-mara li hija tqila u li għal xi raġuni, “individwali jew familjari,” ma tistax iżomm lit-tarbija, fosthom minħabba problemi finanzjarji.

Dimitijevic qalet dan wara konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Parlament li matulha, il-Fondazzjoni ppreżentat Position Paper li fiha qed tipproponi li l-abort ikun dikriminalizzat u ma jibqax punibbli f’ċertu każi.

F’kummenti ma’ din il-gazzetta, Dimitijevic saħqet li għalkemm l-abort f’Malta jibqa’ tabù, mir-riċerka li għamlet il-Fondazzjoni jirriżulta li f’Malta hawn bejn 300 u 400 mara li jew wettqu l-abort barra minn Malta jew inkella ordnaw il-pillola abortiva minn fuq l-internet.

Saħqet li hemm ċirkostanzi fejn il-mara tinqabad tqila mingħajr ma tkun trid, fosthom anke f’każijiet ta’ stupru u staqsiet għalfejn il-mara għandha tbati dawk il-konsegwenzi.

Apparti minn hekk semmiet ukoll riċerka li turi kif it-tqala mhux mixtieqa jista’ jkollha ħsara psikoloġika u effetti fuq is-saħħa fiżika tal-mara u kien hawn li mill-ġdid fakkret li l-mara hija individwu u ma għalhekk ma għandhiex tbati.

Mistoqsija jekk l-istess prinċipju jistax ikun applikat għal ċirkostanzi oħra, jekk l-abort isir legali f’każijiet ta’ stupru jew meta s-saħħa tal-omm tkun fil-periklu, Lara Dimitijevic wieġbet li: “hemm bżonn jinfetaħ dan il-bieb għax dawn l-affarijiet ma bdewx jeżistu issa.” Qalet li jista’ jkun hemm Maltin li marru barra minn Malta biex wettqu l-ewtanasja u saħqet li dawn il-persuni għandhom id-dritt fundamentali tagħhom.

Lura f’Awwissu tal-2015, l-ILLUM kienet għamlet eżerċizzju u kienet żvelat kif persuna Maltija tista’ tapplika biex tagħmel abort b’faċilità kbira, daqslikieku qed tibbukkja vaganza onlajn.

Kien irriżulta li jekk tqala ma tkunx qabżet l-14-il ġimgħa, omm Maltija tista’ ċċempel u tmur l-Ingilterra u tagħmel abort f’inqas minn 24 siegħa għall-prezz ta’ €800. Tfittxija sempliċi fuq l-internet kienet waslet lil din il-gazzetta għal xejn inqas minn 350 klinika jew aġenzija ta’ riferiment f’Londra fejn persuna tista’ tagħmel l-abort.

Fil-position paper, il-Fondazzjoni qed tappella biex l-abort ikun aċċessibbli u jsir b'mod sigur f'ċerti każi fosthom, stupru, inċest, biex tkun salvata l-ħajja tal-mara, problemi serji fil-fetu, u anke meta hemm riskju ta' mard mentali u fiżiku għall-omm.

Meta mistoqsija dwar l-aħħar stħarriġ tal-MaltaToday, li wera iswed fuq l-abjad li l-maġġoranza assoluta tal-Maltin ma jaqblux mal-abort, iċ-Chair Person tal-Fondazzjoni, Andrea Dibben, saħqet li minħabba l-fatt li l-abort jibqa’ tabù, jista’ jkun li dawn is-sondaġġi ma jirriflettux ir-realtà, għax skontha, in-nies jibżgħu jitkellmu fuq it-telefown.

Kompliet tisħaq li hemm bżonn li jkun hemm aktar edukazzjoni fuq l-abort u insistiet li kwistjonijiet bħall-abort ma għandhomx ikunu deċiżi skont ir-rieda tal-maġġoranza għax skontha hawn qed nitkellmu fuq drittijiet tal-bniedem.

Skont l-istħarriġ tal-MaltaToday, l-unika maġġoranza relattiva kienet irreġistrata meta dawk li ħadu sehem kienu mistoqsija x’jaħsbu dwar l-abort f’każ li l-ħajja tal-omm tkun fil-periklu. 46% wieġbu li jaqblu, 27% kontra u 27% ma kinux ċerti.

Għalkemm il-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, Nils Muiznieks, kien saħaq li f’Malta għandha tibda d-diskussjoni dwar l-abort u aktar tard li Malta qed tonħoq id-drittijiet tal-mara, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien wieġeb li l-Gvern ma għandux il-mandat u lanqas l-appoġġ pubbliku biex jiftaħ din id-diskussjoni. Il-Partit Nazzjonalista wkoll saħaq li f’Malta ma hawnx lok għall-introduzzjoni tal-abort.

Apparti l-abort, il-Fondazzjoni qed tipproponi wkoll, Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar is-Saħħa Sesswali u Riproduttiva, Edukazzjoni sesswali komprensiva bl-ugwaljanza tal-ġeneru u d-drittijiet tal-bniedem fiċ-ċentru tagħha u anke aktar aċċess għall-kontraċettivi u pjanar tal-familja.

More in Socjali