Aġġornata: Grupp ta' nisa jipproponu abort aċċessibbli għal mara f'ċerti każi

Il-Woman's Rights Foundation jipproponu li...

Il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa ppreżentat Position Paper li fiha qed tipproponi li l-abort ikun dikriminalizzat u allura ma jibqax punibbli bil-priġunerija, anke għal dawk in-nisa li jagħmlu abort barra mill-pajjiż.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Parlament, il-Fondazzjoni appellat biex l-abort ikun aċċessibbli u jsir b'mod sigur f'ċerti każi fosthom, stupru, inċest, biex tkun salvata l-ħajja tal-mara, problemi serji fil-fetu, u anke meta hemm riskju ta' mard mentali u fiżiku għall-omm.

Iċ-ċerpersin, Dr Adreana Dibben, saħqet li l-proposti li qed tagħmel il-Fondazzjoni qed isiru primarjament bil-għan li n-nisa u t-tfajliet Maltin ikollhom aktar aċċess għal saħħa sesswali u riproduttiva aktar komprensiva, fost oħrajn.

Insistiet li d-drittijiet sesswali u riproduttivi tan-nisa huwa rikonoxxuti madwar id-dinja bħala kwistjonjiet importanti tas-saħħa.

 

Huwa għalhekk li apparti l-abort, il-Fondazzjoni qed tipproponi wkoll:

  • Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar is-Saħħa Sesswali u Riproduttiva
  • Edukazzjoni sesswali komprensiva bl-ugwaljanza tal-ġeneru u d-drittijiet tal-bniedem fiċ-ċentru tagħha
  • Aktar aċċess għall-kontraċettivi u ppjanar tal-familja.

Dwar il-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali, il-Fondazzjoni qed tinsisti li r-reviżjoni, hija importanti biex tirrifletti aktar il-bidliet soċjali u legali li seħħew mill-2011 ‘l hawn.

Tkellmu wkoll dwar aktar edukazzjoni, programmi ta’ kuxjenza u strateġiji li jpoġġu l-ugwaljanza tal-ġeneru u d-drittijiet tal-bniedem fiċ-ċentru tagħhom. Din l-edukazzjoni għandha tibda mill-familja u tkompli fl-iskejjel u fil-komunitajiet, filwaqt li l-informazzjoni li tingħata għandha tkun preċiża, ippruvata u li anke tindirizza miti u kunċetti żbaljati.

It-tielet rakkomandazzjoni li qed tagħmel il-Fondazzjoni hija jiżdiedu aktar servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttivi, fil-kliniċi tal-komunità. Dawn is-servizzi għandhom ikunu adegwati skont il-ġeneru u l-etajiet u li anke jilħqu gruppi maqtugħa mis-soċjetà.

Dwar il-kontraċettivi, il-Fondazzjoni qed tisħaq li għandhom jitneħħew ir-restrizzjonijiet finanzjarji u legali, speċjalment għal żagħżagħ ta’ età żgħira u persuni bi dħul baxx. Jisħqu li għandu jkun hemm sussidju fuq il-kontraċettivi għax skont il-Fondazzjoni, dan huwa investiment fis-saħħa pubblika u għandu jkun estiż anke għal metodi ta’ kontraċezzjoni moderna.

Jisħqu li għandhom jitneħħew ukoll ir-rekwiżiti li jimpedixxu l-aċċess għall-kontraċettivi lill-addoloxxenti li għandhom inqas minn 16-il sena. “Kulħadd għandu jkollu aċċess għal servizzi ta’ konraċezzjoni f’ħinijiet u postijiet li huma konvenjenti għalihom.”

More in Politika