Kważi nofs il-ħaddiema tas-Suq tal-Belt jinstabu jaħdmu b'mod illegali

Is-Suq tal-Belt kien uffiċjalment inawgurat mill-Prim Ministru Joseph Muscat nhar il-Ġimgħa li għadda

Wara spezzjoni għall-għarrieda li saret mill-aġenzija nazzjonali tal-impjieg irriżulta li kważi nofs il-ħaddiema tas-Suq tal-Belt kienu qed jaħdmu b’mod illegali.

Kien is-sit tvm.com.mt li rrapporta kif 31 impjegat minn 71 li jaħdmu fis-Suq tal-Belt kienu mpjegati mingħajr ktieb.

Aktar tard, iċ-ċerpersin ta’ Jobsplus, Clyde Caruana kkonferma l-aħbar mas-sit Lovin Malta li spjega kif 17 mill-ħaddiema huma persuni mill-Unjoni Ewropea filwaqt li 14 ġejjin minn barra l-Unjoni Ewropea.

Mhux magħruf ma’ liema negozji kienu qed jaħdmu dawn il-ħaddiema.

Dawk in-negozji li kienu qed jimpjegaw ħaddiema mill-UE mingħajr ktieb ingħataw multa u ntalbu jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom.

Caruana spjega li l-ħaddiema mhux mill-Unjoni Ewropea ma jistgħux jirregolarizzaw l-impjieg tagħhom, ġew irrappurtati lill-pulizija u se jintbagħtu lura f’pajjiżhom.

Is-Suq tal-Belt kien uffiċjalment inawgurat mill-Prim Ministru Joseph Muscat nhar il-Ġimgħa li għadda.

More in Socjali