Beltin ‘sfurzati’ jitilqu mill-Belt fis-sena tagħhom…

L-ILLUM tiltaqa’ ma’ koppja anzjana li wara 40 sena jgħixu ġo appartament qed jintalbu joħorġu…

Ritratt - Carl Farrugia
Ritratt - Carl Farrugia

“Ilni 70 sena ngħix f’din it-triq, 40 sena noqgħod f’dan l-appartament u issa jriduna nitilqu minn hawn.”

Din hija l-esperjenza ta’ koppja anzjana li tgħix fil-Belt Valletta, iżda hija wkoll ir-realtà ta’ ħafna Beltin li qed jintalbu minn sid il-kera biex jagħmlu l-wisgħa ħalli l-blokka tal-appartamenti tinbidel f’Boutique Hotel.

L-ILLUM żaret lil din il-koppja. Malli tidħol fl-appartament tilqgħek intrata sabiħa u kbira mimlija skultura u taraġ paxxut qisu ta’ palazz. Ma tatix tort lil min joħlom li jbiddel din il-blokka ta’ appartamenti f’lukanda żgħira iżda lussuża.

Malli poġġejna fuq is-sufan mill-ewwel indunajna li din l-anzjana hija inkwetata u inċerta, għax fl-aħħar mill-aħħar għadha ma tafx x’se jsir minnha.

“Inħsadna,” qaltilna malli bdiet tirrakkonta l-ewwel darba li sid il-kera wriehom ix-xewqa li jbigħ il-blokka biex tinbidel f’Boutique Hotel. Spjegaw li kienu ilhom xhur jaraw barranin iduru fl-appartament iżda dak iż-żmien kienu ħasbu li riedu jixtru l-flats il-vojta.

Għalkemm din il-koppja ilha tgħix f’dan il-flat minn qabel l-1995, u għalhekk is-sid ma għandux dritt jitfagħhom ’il barra, qed jinsisti mal-anzjani biex jagħtihom post ieħor u anke somma flus biex jaċċettaw li jitilqu.

“Iżda mill-ewwel qalilna li post il-Belt out of the question,” qaltilna l-anzjana b’rasha baxxuta. “Lanqas nimmaġinani wara 70 sena noħroġ ngħix barra mill-Belt.”

Urietna lista li kitbet fl-aħħar jiem u li fuqha niżlet x’se tkun qed titlef jekk tmur toqgħod barra mill-Belt. Apparti li għandha dubju kemm tidra, semmiet il-passatemp tar-raġel tagħha, li meta jkun bnazzi l-hena tiegħu jinżel sa Marsamxett. Anke l-ħbieb u l-ġirien li wara dawn is-snin kollha saru qishom tal-familja.

“Jiena ma nsuqx,” kompliet tispjegalna. “L-hena tiegħi nitla’ sa Strada Rjali (kif għadhom isejħulha l-Beltin) jew inkella mmur quddiesa.”

Dawritna wkoll id-dar u bdiet turina l-għamara li għamlu hi u r-raġel tagħha flimkien meta żżewġu u anke l-kmamar fejn rabbiet lil uliedha.

“X’se nagħmel b’din l-għamara diġà qalilna biex ma norbtux qalbna magħha jekk naċċettaw li l-post barra l-Belt… ikolli nixtri għamara ġdida.”

Waqt li akkumpanjatna sal-bieb, qaltilna li tittama li kollox jgħaddi b’wiċċ il-ġid u tittama li ma jkunx hemm għalfejn tħalli t-triq li fiha trabbiet u kabbret il-familja tagħha.

13-il boutique hotel bejn l-2015 u l-2018

Skont informazzjoni li l-ILLUM kisbet mill-Awtoritá tal-Ippjanar, jirriżulta li bejn l-2015 u l-2018, ġew approvati 13-il boutique hotel fil-Belt Valletta.

Is-sena li għaddiet biss, ġew approvati 6 boutique hotels filwaqt li din is-sena diġá ġiet approvata applikazzjoni oħra.

Pendenti quddiem l-Awtoritá tal-Ippjanar hemm 13-il applikazzjoni għal boutique hotels f’Malta u Għawdex.

“Hawn postijiet taħseb li jgħixu fihom il-ħnieżer”

Intant, l-ILLUM tkellmet ukoll mal-Kappillan tal-Parroċċa tal-Portu Salvu u San Duminku, Patri Michael Camilleri O.P. li saħaq kif il-problema tal-kera qed tisplodi fil-Belt, partikolarment fil-parroċċa tiegħu.

Semma każ ta’ blokka ta’ appartamenti fi Triq ir-Repubblika fejn is-sid qabad u biegħ il-propjetá u talab lill-erba’ familji li kienu jgħixu fiha biex fi żmien sentejn, jitilqu ’l barra.

Patri Michael Camilleri O.P.
Patri Michael Camilleri O.P.

F’dan il-każ, għall-kuntrarju tal-esperjenza tal-koppja anzjana, is-sid ma offra xejn lir-residenti, tant li kellhom isibu post huma stess.

Fi kliem il-Kappillan, il-kirjiet u l-propjetà fil-Belt għoliet ħafna u għalhekk diffiċli għall-Beltin biex isibu post ieħor fil-Belt stess.

“Qed ikeċċu n-nies ’il barra mill-Belt” kompla jgħid Patri Michael. “Qed nieħdu ħsieb aktar lill-ġebel milli l-persuna.”

Kien hawn li saħaq li hemm djar u appartamenti fil-Belt li meta tarahom taħseb li fihom jgħixu l-ħnieżer u mhux nies.”

Mistoqsi x’għajnuna toffri l-parroċċa lil dawn il-familji, il-Kappillan spjega li jqassam ħafna xirjiet iżda diffiċli joffri post lill-familji kollha, jew inkella jirranġa dar, għax fi kliemu, jekk jagħmel hekk ma’ persuna jew familja waħda, irid jagħmel l-istess ma’ kulħadd.

Esprima x-xewqa li min hu responsabbli jinżel idur mat-toroq tal-Belt u jara b’għajnejh ir-realtà li fiha qed jgħixu ħafna Beltin.

Il-Ħadd li għadda, l-ILLUM, żvelat kif madwar 350 persuna ħadu sehem f’riċerka estensiva dwar is-suq tal-kera, hekk kif il-White Paper proposta mill-Gvern dwar dan il-qasam qed toqrob dejjem aktar fil-qrib. 

Is-sid meta għandu dritt ma jġeddidx il-kera?

L-ILLUM tkellmet mal-Avukat Bernard Grech u staqsietu jispjega meta sid il-kera għandu dritt li jiddeċiedi li ma jġeddidx il-kirja.

Skont il-Liġi tal-Kera, kirjiet li kienu bdew qabel l-1995 huma protetti u għalhekk l-inkwilini (ir-residenti) għandhom id-dritt li jibqgħu jgħixu fl-istess propjetà sakemm jonoraw l-obbligi kollha tagħhom bħala inkwilini inkluż il-ħlas tal-kera fil-ħin.

Dawn l-istess kirjiet jistgħu jintirtu minn iben/bint/ulied l-inkwilini imma għal darba waħda biss. Dan jekk l-ulied ikunu għadhom jgħixu mal-ġenituri tagħhom fil-fond mikri meta tiġi nieqsa l-persuna (l-omm jew il-missier).

Fil-każ tal-kirjiet kollha ta’ wara l-1995, sid il-kera għandu dritt li ma jġeddidx il-kera meta jagħlaq il-perjodu miftiehem fuq il-kuntratt tal-kera jew f'nuqqas ta' kuntratt, malli jgħaddi l-perjodu tal-ħlas tal-kera kif miftehma.

L-Avukat Bernard Grech
L-Avukat Bernard Grech

Dan ifisser li jekk, pereżempju, min jikri, huwa obbligat li jħallas il-kera kull 3 xhur, sid il-kera jista’ jiddeċiedi li mal-ħlas tal-kera tal-perjodu ta' tliet xhur javża lill-inkwilini li mhux biħsiebu jġedded il-kirja malli jagħlqu dawk it-tliet xhur li jkunu qed iħallsu tagħhom.

Jekk ikun hemm kuntratt tal-kera li barra li jistabbilixxi l-ammont ta' kera dovuta u kull meta għandha titħallas, jistabbilixxi wkoll terminu ta' kemm ser tkun twila dik il-kirja, sid il-kera jista’ biss jiddeċiedi li ma jġeddidx il-kuntratt malli jkun se jiskadi. 

Dan bil-kundizzjoni li l-inkwilini ma jkunux kisru l-kuntratt u naqsu milli jonoraw xi obbligi fil-kuntratt.  Jekk l-inkwilini jonqsu billi jiksru xi kundizzjoni tal-kuntratt tal-kera, is-sid jista’ xorta waħda jkollu d-dritt li jwaqqaf il-kuntratt.

L-Avukat Grech spjega li r-reviżjoni tal-liġi tal-kera, li saret fl-2010, kienet saret bil-ħsieb li filwaqt li l-inkwilini jibqgħu jkunu protetti, tagħti ftit xaqq ta' dawl lis-sidien li xi darba jistgħu jieħdu l-propjetà tagħhom lura.

Semma’ każijiet fejn persuna tkun qed tħallas kirja żgħira fuq proprjetà li tiswa ħafna flus, iżda fl-istess ħin tkun xtrat proprjetà, għax taffordja tagħmel dan u tkun qed tikriha bl-għoli. Fi kliemu, dan huwa abbuż.

Apparti minn hekk semma wkoll każijiet ġenwini, ta’ residenti li jintalbu joħorġu minn propjetá minkejja li l-liġi tkun tipproteġihom u dawn iċedu għall-pressjoni mis-sidien, jew għaliex jibżgħu mill-ispejjeż jew għaliex ma jkunux jixtiequ li jidħlu l-Qorti.

Dr Grech appella lil dawk li jaħsbu li għandhom każ ġenwin biex ma jiddejqux jitolbu pariri legali u anke jfittxu l-kenn li toffrilhom il-liġi għax ikun inutli li jkollok dritt fil-liġi mbagħad tonqos li tapplikah.

More in Socjali