Nhar is-17 ta’ Frar Pjazza San Ġorġ tinkesa bil-kutri

L-għan tal-proġett huwa li jiddimostra l-qawwa, diversità, konnessjoni u l-kulur fis-soċjetà

Il-Belt tal-Leeuwarden fl-Olanda, li bħall-Belt Valletta hija l-Kapitali Ewropea tal-Kultura, qed torganizza proġett illi permezz tiegħu se jkunu qed jitgħattew ħames grawnds tal-futbol b’kutri magħmulin mill-crochet. L-għan tal-proġett huwa li jiddimostra l-qawwa, diversità, konnessjoni u l-kulur fis-soċjetà.

Malta wkoll kienet mistiedna biex tieħu sehem f’din l-attività li għandha l-għan ukoll li tikser il-Guiness Book of Records. Il-kutri magħmulin mill-crochet se jkunu mbagħad qed ikunu distribwiti lil bosta istituzzjonijiet li jgħinu lil dawk inqas ixxurtjati u li għandhom bżonn l-għajnuna.

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Carmen Ellul, waħda minn dawk li qed jaħdmu qatigħ biex Malta tkun parti minn din l-inizjattiva. Ellul spjegat kif malli saret taf bl-inizjattiva daħlet għaliha b’ruħha u ġisimha, “kienet dejjem ix-xewqa u l-ħolma tiegħi din u bdejt ngħaqqad in-nies biex inwettqu din l-isfida.”

Dawk li kienu parti minn din l-inizjattiva jinkludu membri tal-Klabb tal-Bizilla, The Malta Cross Stitch Club, is-Soċjetà Maltija tal-Arti u individwi oħrajn.

Minkejja li l-għan kien li jsiru 50 kutra, Ellul spjegat lil din il-gazzetta illi fil-fatt saru b’kollox 150.

Intant qabel ma jmorru Leuwarden, nhar is-17 ta’ Frar, dawn il-kutri se jitpoġġew u se jiksu parti mill-Pjazza San Ġorġ. Mid-9 sas-16 ta’ Frar se jkunu esebiti fil-Binja tas-Soċjetà tal-arti f’Malta u bejn id-19 u t-28 ta’ Frar, fl-HSBC tal-Belt Valletta.

Dan il-proġett qed isir bl-appoġġ tal-Fondazzjoni Valletta 2018.

More in Socjali