filmat | Mitt wiċċ, mitt mara, mitt storja

Minn politiċi, kantanti, sidien ta' negozji u ommijiet...nisa ta' suċċess f'esebizzjoni fil-Palazz tal-President

ritratti : James Bianchi
ritratti : James Bianchi

Artemisia kienet artista Taljana tas-seklu 16, li kienet waħda mill-ewwel nisa ta’ suċċess fil-qasam tal-arti, partikolarment fi żmien meta l-artisti nisa ma kinux faċilment aċċettati mill-komunità artistika. Hi magħrufa għal bosta xogħlijiet li juru nisa b’saħħithom u dawk għaddejjin minn tbatija, u figuri ta’ vittimi u anke gwerriera.

Artemisia huwa wkoll l-isem ta’ esebizzjoni ta’ 100 ritratt ta’ mara li b’xi mod hi ta’ suċċess fil-qasam li taħdem fih, kemm jekk hija kantanta, politikanta, omm jew sid ta’ negozju. Din l-esebizzjoni ttellgħet fil-Palazz ta’ San Anton f’Ħ’Attard mill-għaqda Network of Young Women Leaders bil-għan li jintefa’ dawl fuq dawn in-nisa, bil-għan li bniet u tfajliet jistgħu jarawhom bħala ‘role models’ għalihom.

Flimkien mal-fotografu Stephen Levi Vella li kien responsabbli mill-fotografija, l-għaqda tellgħet din l-esebizzjoni flimkien ma’ stejjer tal-istess nisa fl-isfond li jirrakkuntaw sfidi u ostakli li ltaqgħu magħhom.

F’kummenti li għaddiet mal-gazzetta ILLUM Samantha Pace Gasan, koordinatriċi tal-istrateġija tal-għaqda, spjegat kif in-nisa magħżula mhumiex xi lista finali ta’ nisa notevoli fil-pajjiż, iżda hi ċerta li hemm ħafna iktar nisa li jixraqilhom li wkoll ikunu nkulżi. Pace Gasan sostniet li r-rispons kien wieħed pożittiv ħafna u jimliehom b’ħafna kuraġġ sabiex itellgħu proġetti oħrajn fil-futur. “Hemm il-potenzjal u anke bħala għaqda, nemmnu li se tibqa’ tikber,” sostniet Pace Gasan.

L-għaqda, li llum għandha mal-100 membru fetħet din l-esebizzjoni nhar it-Tlieta li għadda u se tibqa’ miftuħa sal-lum il-Ħadd bejn l-10:00 u l-16:00.

 

ritratt: James Bianchi
ritratt: James Bianchi
ritratt: James Bianchi
ritratt: James Bianchi

More in Socjali