Mira ta’ 15,000 donatur tal-organi reġistrat sal-aħħar tas-sena

Fil-preżent hawn 90 persuna li qegħdin fuq il-lista għal trapjant tal-kliewi

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li se jkun qiegħed jgħolli l-mira ta’ kemm jixtieq li jkunu ġew reġistrati donaturi tal-organi sal-aħħar tas-sena minn 10,000 għal 15,000.

Il-Ministru Fearne qal dan, fir-Renal Unit fl-Isptar Mater Dei, waqt li rċieva għotja mingħand l-HSBC fejn ġabru 406 reġistrazzjoni. Ir-reġistru għad-donaturi tal-organi ilu li daħal fis-seħħ sa minn Diċembru 2016, wara li għaddiet fil-Parlament il-Liġi li tirregolarizza d-Donazzjonijiet tal-Organi u t-Tessuti.

Il-Ministru Chris Fearne attenda għall-preżentazzjoni ta’ għotja ta’ €20,000 mingħand LifeCycle, li ġiet miġbura waqt l-isfida tas-sena li għaddiet ta’ din l-NGO. Permezz ta’ din l-għotja se jkun qiegħed jinxtara software sofistikat li jkun jista’ jqabbel b’aktar reqqa, kilwa li tkun ġejja minn donatur għal mal-pazjent l-aktar idoneu, skont diversi fatturi.

Fil-preżent hawn 90 persuna li qegħdin fuq il-lista għal trapjant tal-kliewi.

Ix-xahar li għadda l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar investiment ta’ €5.6 miljuni fir-Renal Unit, li permezz tiegħu qegħdin jinbidlu l-magni kollha tal-kliewi, total ta’ 32 magna tad-dialysis ġodda.

More in Socjali