'Wara 66 sena, ir-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament ma żdiedet xejn'

L-MPE Metsola u Comodini Cachia ma jemmnux li t-triq għal rappreżentanza ikbar fil-Parlament huma l-kwoti

‘L-istrutturi politiċi jridu jkunu iktar miftuħa’ - Therese Comodini Cachia

Il-Membru Parlamentari Ewropew Therese Comodini Cachia, mal-ILLUM qalet kif l-ugwaljanza tiġi meta l-kundizzjonijiet ta’ kulħadd ikunu ugwali, u għaldaqstant, ma jistax ikun hemm ugwaljanza jekk ikollok sistema li tnaqqas mill-ammont ta’ deputati rġiel sabiex tagħmel spazju għal dawk nisa.

Comodini Cachia qalet li minflok il-kwoti, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-partiti joffru aċċess ugwali kemm lill-irġiel kif ukoll lin-nisa għat-triq li twassalhom bix isiru deputati. “Jeħtieġ li l-istrutturi politiċi u Parlamentari għandhom ikunu aktar miftuħa.”

Ma jistax ikun hemm ugwaljanza jekk ikollok sistema li tnaqqas mill-ammont ta’ deputati rġiel sabiex tagħmel spazju għal dawk nisa Therese Comodini Cachia

Meta mistoqsija allura x’hemm bżonn li jsir sabiex ir-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament tiżdied, Therese Comodini Cachia saħqet li jeħtieġ li jiġu implimentati miżuri sabiex l-ambjent tal-Parlament ikun iktar favorevoli għall-familji. Fost l-oħrajn qalet kif jeħtieġ li s-seduti tal-Parlament jibdew isiru f’ħinijiet aħjar għaliex bħalissa, “is-seduti jsiru f’ħinijiet li jippreġudikaw kemm lill-irġiel kif ukoll lin-nisa, peress li jiċċaħdu mill-familji fil-ħin li s-soltu l-membri l-oħra tal-familja jkunu d-dar.”

 

‘Dan hu insult li m’għandniex naċċettawh’ – Roberta Metsola

L-MPE Roberta Metsola tirrimarka li minkejja li r-rata ta’ parteċipazzjoni tan-nisa fis-soċjetà għamlet passi kbar, partikolarment fl-oqsma tax-xogħol u tal-edukazzjoni, dan mhux l-istess fil-ħajja politika.

Mal-ILLUM, Metsola tgħid kif ma taqbilx mal-kwoti, u tinsisti li din tkun politika ta’ ‘tokenism’ u biex jingħata eżempju, tiġi mbuttata l-mara. Għal dan, Metsola tgħid li, “dan huwa insult u m’għandniex naċċettawh, u meta ngħid dan, qed nirreferi kemm għan-nisa u l-irġiel.”

Metsola tħares lura lejn ir-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament fl-istorja u tirrimarka kif fl-elezzjoni tal-1951, kien hemm 10% tad-deputati kollha, li kienu nisa, u llum il-ġurnata, il-parlament għandu l-istess persentaġġ ta’ rappreżentanza, minkejja li għaddew iktar minn 66 sena. Hawn tistaqsi, “x’ġara, biex ftit wara li n-nisa setgħu jibdew jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali, ġew eletti 10%, imbagħad dan beda jonqos u reġa’ laħaq l-10% 66 sena wara?”

Jekk iseħħ bħalma ġara fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew li għaddiet fejn kien hemm maġġoranza assoluta ta’ nisa eletti, x’tagħmel? Tnaqqas l-ammont ta’ nisa u tmur kontra l-għażla demokratika li għamlu n-nies biex jiżdiedu l-irġiel? Roberta Metsola

L-MPE tqajjem ukoll punt interessanti, fejn waqt li tinsisti li hi ma taqbilx mal-kwoti għax “hi għajnuna artifiċjali u tnaqqas mil-leġittimità ta’ min jiġi elett bis-saħħa tal-kwota,” tistaqsi allura fejn se tibda u tieqaf. “Jekk japplikaw għall-Parlament Nazzjonali, m’għandhomx japplikaw ukoll għall-Kunsilli Lokali u għall-Parlament Ewropew?” Tkompli tistaqsi allura, li jekk iseħħ bħalma ġara fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew li għaddiet fejn kien hemm maġġoranza assoluta ta’ nisa eletti, “x’tagħmel? Tnaqqas l-ammont ta’ nisa u tmur kontra l-għażla demokratika li għamlu n-nies biex jiżdiedu l-irġiel?”

Roberta Metsola ttemm tgħid li jeħtieġ li jitjieb l-ambjent politiku sabiex tkun iktar faċli għan-nies biex jikkontestaw l-elezzjonijiet, u “b’hekk il-poplu jkollu wkoll għażla iktar ta’ nies li jkunu qed joffru s-servizz tagħhom.” Tgħid ukoll li jeħtieġ li l-istrutturi politiċi jkunu iktar family friendly, għaliex filwaqt li tgħid li personalment, l-appoġġ tal-familja jgħinha ħafna, “mhux kulħadd ikollu fuq min jistrieħ.”

Aqra iktar dwar il-kwoti għan-nisa fil-Parlament fil-ħarġa tal-gazzetta Illum ta' għada l-Ħadd, b'intervista, fost l-oħrajn mal-Kummissarju għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza Renee Laiviera.

Aqra wkoll il-kummenti tal-MPE Marlene Mizzi u Miriam Dalli dwar is-suġġett.

More in Socjali