In-nisa Maltin fl-Ewropa jagħtu daharhom lill-kwoti

L-MPE mħassba li r-rwol tal-mara fil-politika jibda jiġi meqjus biss bħala 'token'

Lura f’jum il-mara, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li se jkun qed jipproponi li jiddaħlu sistemi ta’ kwoti fil-Parlament biex ikun hemm iktar nisa involuti fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. L-entużjażmu għal din il-proposta kien ftit li xejn, u l-miżura ntlaqgħet b’ċertu xettiċiżmu mill-Membri Parlamentari nisa, meta kkuntattjati mill-Illum, nhar il-Ħadd li għadda.

Minkejja l-kummenti differenti, id-deputati kienu kollha fi qbil li jeħtieġ li jsir xi ħaġa sabiex tiżdied ir-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament. Din is-sitwazzjoni, iżda hi differenti fejn jidħlu l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, b’maġġoranza assoluta ta’ rappreżentanza femminili għal pajjiżna. Fid-dawl ta’ dan, din il-gazzetta staqsiet lill-erba’ Ewroparlamentari nisa Maltin x’jaħsbu dwar din il-proposta.

L-erba’ MPE ma tantx urew li jaqblu mal-kwoti, u saħansitra ġew deskritti bħala diskriminatorji u mhux meritokratiċi. Ġie nnutat ukoll li tul l-istorja demokratika ta’ pajjiżna, minn wara l-Indipendenza kien hemm biss 19-il mara li serviet bħala deputat fil-Parlament Malti, bir-rappreżentanza fil-preżent, ċoè ta’ 10% tkun l-istess daqs dik fl-ewwel Parlament tal-1951.

‘Id-diskussjoni trid tmur lil hinn mill-kwoti’ – Miriam Dalli 

Il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli sostniet li jeħtieġ li tiżdied ir-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament Malti, iżda mhux billi jiddaħħlu l-kwoti, għaliex tibża’ li l-irwol ta’ mara fil-Parlament jispiċċa biex jintuża bħala wieħed sempliċiment simboliku.

F’kuntatt ma’ din il-gazzetta, Dalli sostniet li primarjament temmen li l-partiti politiċi għandhom jiżguraw li jkollhom ammont sostanzjali ta’ nisa li jkunu kandidati għall-elezzjoni, u jkunu l-Partiti li jmorru huma stess ifittxu nisa validi, u jibdew jinvolvu sa minn età żgħira lil tfajliet li huma interessati fil-politika. Qablet ukoll mar-rimarki li għaddew ‘The Network of Young Women Leaders’, li rrappurtat dwarha din il-gazzetta l-ġimgħa li għaddiet, li sostnew li hija inaċċettabbli li jkollok distretti mingħajr nisa kandidati, bħalma fil-fatt kien hemm fl-elezzjoni li għaddiet. Dalli, għalhekk tgħid li, “jrid ikollok minn fejn tagħżel biex tagħżel lin-nisa.

L-MPE Dalli qalet kif f’Malta, “l-idea tal-politika, sfortunatament għadha abbinata mal-irġiel, bħallikieku kien xi boys’ club.” Miriam Dalli ssostni wkoll li sabiex il-ħajja ta’ politiku tkun iktar attraenti, jeħtieġ li jkun hemm iktar miżuri li jgħinu l-ħajja tal-familja, u dan mhux biss għan-nisa iżda wkoll għall-irġiel, fejn partikolarment issemmi n-nuqqas ta’ faċilitajiet ta’ childcare fil-Parlament. Minbarra dan, Dalli ssostni li wasal iż-żmien li l-membri parlamentari jkunu full-time, bis-seduti tal-Parlament jibdew isiru f’ħinijiet iktar diċenti. Dwar il-fatt li l-Prim Ministru ppropona tali kwota, Dalli qalet li bis-saħħa t’hekk, inbdiet id-diskussjoni, u sostniet li d-diskussjoni trid tmur lil hinn mill-kwoti għan-nisa u tinkludi ugwaljanza ma’ kulħadd. “Jekk verament irridu Parlament rappreżentattiv, irid ikollna wkoll membri b’diżabbiltà u LGBTIQ fost l-oħrajn,” sostniet Dalli.

Jekk verament irridu Parlament rappreżentattiv, irid ikollna wkoll membri b’diżabbiltà u LGBTIQ fost l-oħrajn Miriam Dalli

L-MPE li din il-ġimgħa rebħet l-unur tal-aqwa MPE dwar is-saħħa pubblika, temmet tgħid li, “jekk hemm nisa li huma kapaċi u li nemmnu fihom, m’hemmx għalfejn nistennew il-kwoti,” u tinsisti li għandhom ikunu preżenti wkoll f’bordijiet, waqt li ġabet l-eżempju tal-Gvern Malti li kull membru parlamentari mara, ngħatat rwol ta’ Ministru jew Segretarju Parlamentari, li juri l-fiduċja fin-nisa.

‘Il-kwoti ma jibdlux il-kultura imma jibdlu biss in-numri’ – Marlene Mizzi

L-Ewroparlamentari Marlene Mizzi tinsisti li hi ma taqbilx mal-kwoti, anke jekk l-għan tagħhom ikun biex jiġi mgħejuna n-nisa javvanzaw f’pożizzjonijiet għolja.

Hawnhekk, l-MPE Mizzi taqbel mal-kummenti ta’ Miriam Dalli meta tgħid li bil-kwoti, wisq tibża’ li l-irwol ta’ mara jispiċċa biex jitqies wieħed simboliku, “u kkunsidrata bħala token.”

Mara kapaċi u determinata, m’għandhiex bżonn imbuttatturi artifiċjali u sfurzati Marlene Mizzi

Mal-ILLUM, Marlene Mizzi tgħid li ma taqbilx li dan il-kunċett huwa ‘necessary evil’, kif sostnew li huwa għadd ta’ deputati nisa mal-ILLUM il-ġimgħa li għaddiet. Tgħid kif minnhom infushom, il-kwoti huma diskriminatorji għax in-nisa jibdew ikunu preferuti mill-irġiel, u “hija ironika kif biex niġġieldu d-diskriminazzjoni, nużaw metodi diskriminatorji.” Tinsisti li bil-kwoti, tibża’ li l-pożizzjonijiet jispiċċaw jimtlew min-nisa sempliċiment biex jiġu sodisfatti r-regoli tal-kwoti u mhux fuq il-kapaċitajiet, waqt li tgħid kif, “il-kunċett ta’ meritokrazija jiġi sekondarju għall-ġeneru.”

Qalet ukoll li temmen li mara kapaċi u determinata, m’għandhiex bżonn “imbuttatturi artifiċjali u sfurzati”

Mizzi żżid tinsisti li, “s-sistema tal-kwoti mhux se ssolvi r-raġuni għaliex ir-rappreżentazzjoni tan-nisa għadha tant fqira.” Tinsisti li jeħtieġ bidla fil-mentalità fil-kultura tagħna, u dan jibda billi tibda bidla fis-sistema tal-edukazzjoni, hek kif tfaħħar il-koedukazzjoni bħala pass lejn il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-subien u l-bniet.

Marlene Mizzi temmet tgħid li n-nisa għadhom mgħobbija wisq b’responsabbiltajiet oħrajn barra l-karriera, “minħabba l-mod ta’ kif is-soċjetà tħares lejn in-nisa, b’ħafna rġiel komdi gallarija responsabbli biss għal xogħolhom u l-karriera,” filwaqt li sostniet li l-kultura trid tinbidel għaliex il-kwoti jbiddlu biss in-numri.

Il-kummenti tal-MPE Roberta Metsola u Therese Comodini Cachia jiġu ppubblikati matul din il-ġimgħa

More in Politika