‘Sal-Karnival li jmiss, ikollna parteċipanti fil-villaġġ tal-Karnival il-ġdid’

Jason Busuttil jgħid li l-imħażen li jintużaw bħalissa huma fi stat ħażin, u jiżvela li jixtieq li l-Karnival jibda jsir fuq ġimagħtejn

Dehra artistika tal-villaġġ tal-Karnival fil-Marsa
Dehra artistika tal-villaġġ tal-Karnival fil-Marsa

F'intervista mal-gazzetta ILLUM, id-Direttur tal-Karnival, Jason Busuttil tkellem dwar l-istat tal-imħażen li jarmaw il-karrijiet fihom dawn il-parteċipanti, u jqattgħu sigħat twal fihom. Saħaq li dawn mhumiex postijiet adegwati u l-parteċipanti jbatu ħafna biex jarmaw dawn il-karrijiet. “Bħalissa għandna postijiet li huma ferm below standard, u l-karrijiet ikollhom ħafna fire hazards u iktar faċli joffru periklu. Hemm rapporti li huma tal-biża’ fuq dawn il-postijiet.”

Għaldaqstant, tkellem dwar kif fiż-żmien li ġej, preċiżament sentejn oħra, fl-2019, għandu jiftaħ il-Villaġġ tal-Karnival li għandu jilqa’ fih 26 maħżen li fih ikunu jistgħu jinbnew il-karrijiet u maskaruni, jitħietu l-kostumi u jkun anke post fejn jistgħu jipprattikaw il-kumpaniji taż-żfin. Busuttil jgħid ukoll li kien minħabba l-istat li jinsabu fihom l-imħażen fil-preżent li kellhom jieħdu l-pass li jaħdmu fuq il-proġett tal-villaġġ tal-Karnival biex dan ma jibqax biss fuq il-karta.

Dwar l-istat preżenti ta’ dan il-proġett, Jason Busuttil qal li l-proġett huwa mibdi, “it-tenders kollha qegħdin għand id-dipartiment tal-kuntratti, u waslu biex joħorġu. Qed nissoponu li bejn Mejju u Ġunju li ġej se jkun qed jinbeda l-bini tiegħu.” Wara li anke l-Awtorità tal-Ippjanar tat l-approvazzjoni tagħha għall-bini ta’ dan il-proġett, Busuttil jisħaq li l-proġett huwa ‘on track’ fejn saħansitra bdew jaħdmu fuq it-testijiet fuq l-art, u saħaq li dan, “m’għadux biss ħolma iżda dalwaqt se jsir realtà,” u jżid jgħid li, “sas-sena d-dieħla jkollna nofsu, u li nkunu diġà tfajna xi parteċipanti hemmhekk, u nkunu wasalna biex nibdew nużawh.”

Sal-Karnival li jmiss, ikollna parteċipanti fil-villaġġ tal-Karnival il-ġdid

Minkejja li hemm eċitament u entużjażmu sabiex jinbeda u jitlesta dan il-proġett sabiex il-parteċipanti jkunu jistgħu jibdew jagħmlu użu minnu, xi wħud qalu li għalkemm qed jistennew dan il-proġett bil-ħerqa, se jħossu n-nuqqas tal-maħżen preżenti, hekk kif saħqu li wħud minnhom ilhom iktar minn 20 sena fl-istess maħżen.

Villaġġ tal-Karnival bl-esperjenza tul is-sena kollha

Meta mistoqsi dwar il-villaġġ, Busuttil qal kif dan għandu jakkomoda lill-parteċipanti kollha. “Aħna qatt ma ridna nibnu 25 garaxx u nibagħtu lill-parteċipanti kollha hemm. Aħna rridu li din tkun esperjenza s-sena kollha. Tidħol u tara l-mużew tal-Karnival, u l-500 sena ta’ storja ta’ din il-festa, u tkun tista’ tidħol tara x-xogħol jinħadem matul is-sena kollha.” Kompla jispjega kif f’dan il-villaġġ, qed jiġi inkoraġġut li ma jsirux biss karrijiet tal-Karnival, iżda wkoll settijiet tal-films, jew tat-televiżjoni, anka sabiex il-post jinżamm dejjem attiv. Sostna wkoll li bħalma ġara din is-sena, jixtieq li t-tfal minn età żgħira jieħdu l-esperjenza ta’ kif jinħadmu l-karrijiet tal-Karnival.

‘Ix-xewqa tiegħi hi li nibdew nagħmlu l-Karnival fuq ġimagħtejn’

Wieħed mill-akbar għedewwa tal-Karnival u ta’ kull avveniment ieħor li jsir fl-apert fix-xhur xitwin, huwa t-temp u r-riskju li tagħmel ix-xita. Minħabba f’hekk, spiss ġie ssuġġerit li l-Karnival jiċċaqlaq għal data li għandha sserraħ ras il-parteċipanti fejn jidħol it-temp. Għaldaqstant, din il-gazzetta staqsiet lil Jason Busuttil dwar dan u jekk jaħsibx li l-Karnival għandu jbiddel id-data tiegħu. Bla tlaqliq, Busuttil jgħid li ma jemminx li din hi realistika, waqt li jsostni li hu akkanit kbir tal-Karnival, u mhux dak lokali biss, li spjega kif kollha kemm huma  jsiru fi Frar. “L-imħażen huma determinanti għall-Karnival ta’ Malta, għax biex joħorġu mill-maħżen preżenti, dawn ikollhom jiżżarmaw. Fil-villaġġ tal-Karnival, dawn se jkunu kbar biżżejjed biex jekk it-temp hu ħażin, tista’ tiddeċiedi li tħallih ġewwa, u jinħareġ skont il-bżonn,” qal Busuttil.

Id-direttur tal-Karnival żvela wkoll kif l-idea tiegħu hi li l-Karnival f’Malta jiġi estiż għal ġimagħtejn, kif fil-fatt isir f’pajjiżi oħra li jkollhom iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival li jdumu ġimgħat, u f’xi każi anke xahar sħiħ. “Ix-xewqa tiegħi hi li l-Karnival nibdew nagħmluh fuq ġimagħtejn biex jekk weekend wieħed ma jirnexxiex u tkun ix-xita, tipprova tagħmlu l-weekend ta’ wara, dejjem jekk il-karrijiet ikunu ggaraxxjati imma ovvjament, dan ikun suġġett għal qbil mal-Knisja minħabba l-festi tar-Randan,” jispjega Busuttil. Meta mistoqsi jekk jemminx li jista’ jintlaħaq dan it-tip ta’ qbil, Jason Busuttil qal li min-naħa tal-organizazzjoni tirnexxi żgur, u qal li jekk ma jintlaħaqx qbil mal-Knisja, “biex tirnexxi titfagħha qabel, biex ma tmissx mar-Randan. Però ma narax li għax tagħmel il-Karnival, se tkun qed ittellef, u din hi xi ħaġa ta’ Malta biss,” kompla jgħid Busuttil. Ikompli jgħid kif, “jekk joħroġlok weekend tax-xita u jitkissrulek dawn il-karrijiet li jiswew l-eluf, jiġi t-Tlieta u terġa’ ddaħħlu ġewwa, xi tkun ħadt minnu. Tkun tlift flus kbar, ħlejt sena xogħol u ma tkun gawdejt xejn. Tkun verament ħasra.”

More in Socjali