Transgender Europe tagħżel lil Malta biex tniedi l-programm għall-prattiċi tajba għall-ġeneru

Intqal kif Malta saret ispirazzjoni għal pajjiżi oħra fil-qasam tad-drittijiet tal-persuni trans

L-organizazzjoni Ewropea għad-drittijiet tal-bniedem trans, Transgender Europe (TGEU) għażlet lil Malta sabiex tniedi t-tieni edizzjoni tal-katalgu għad-Drittijiet Umani u l-Prattiċi Tajba dwar l-Identità tal-Ġeneru.

Malta hi inkluża spiss f'dan il-katalgu wara l-introduzzjoni tal-liġi dwar l-identità tal-ġeneru, li hi meqjusa bħala l-aħjar waħda biex tirrikonoxxi l-ġeneru b'mod legali.

Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli irringrazzjat lil TGEU li għażlet lil Malta għal din it-tnedija u qalet li dan juri li l-Ewropa qed tirrikonoxxi dak li qed tagħmel f'dawn l-aħħar snin. Qalet ukoll li Malta serviet ta' mudell għal diversi pajjiżi oħra fil-qasam tal-ugwaljanza LGBTIQ.

Il-Ministru Dalli qalet li l-Gvern se jkompli jaħdem f'dan il-qasam u semmiet il-liġi tal-ugwaljanza u tal-koabitazzjoni, li din tal-aħħar mistennija tiġi approvata formalment mill-Parlament fil-ġimgħat li ġejjin.

Is-Senior Policy Officer ta' TGEU Richard Kohler qal li sa minn meta nħareġ dan il-katalgu fl-2011, id-drittijiet tat-trans avvanzaw ferm. "Huwa xieraq li din it-tnedija ssir f'Malta, fejn il-progress f'dan il-qasam saret ispirazzjoni għal pajjiżi oħra u sors ta' tama għall-persuni trans fil-kontinent kollu."

More in Socjali