‘Missierha jeħodilha l-ktieb jekk jaraha tistudja’

Il-kultura ‘macho’ f’Malta għadha ħajja, u kif...l-ILLUM titkellem ma’ Dr. JosAnn Cutajar

Malta ġiet klassifikata fil-108 post minn fost 144 fil-Global Gender Gap survey. Dan l-istudju juri kemm il-pajjiżi qegħdin jisfruttaw l-iktar għall-vantaġġ tagħhom it-talent fost in-nisa fil-pajjiż, fl-oqsma ta’ ekonomija, edukazzjoni, saħħa u politika. Dan ir-riżultat ipoġġi lil Malta fl-aħħar post minn fost il-pajjiżi fir-reġjun tal-Punent tal-Ewropa.

Dwar dan ir-riżultat u dwar il-kultura tal-pajjiż fejn għandhom x’jaqsmu n-nisa, din il-gazzetta tkellmet mal-lettur fid-Dipartiment tal-Istudju tal-Ġeneru, u Direttur tal-Cottonera Resource Centre, Dr. JosAnn Cutajar.

 

‘Nisa mingħajr edukazzjoni huma l-iktar diskriminati’

Cutajar titkellem ma’ din il-gazzetta wkoll dwar is-sitwazzjoni fis-soċjetà tagħna, u tgħid kif il-kultura ‘macho’ ta’ pajjiżna għadha teżisti u għadha ħajja. Fil-fatt, titkellem dwar is-sitwazzjoni reali ta’ diversi studenti li tiltaqa’ magħhom hi li jaffaċċjaw diffikultajiet sabiex javvanzaw.

“Aħna hawnhekk għandna studenti,” tkompli tgħid, “fejn il-papà ma riedx lit-tifla tistudja, u jekk jaraha bi ktieb, ineħħihulha minn idejha.” Fil-fatt, tinsisti li, “dawn il-mentalitajiet, għadhom magħna.” Min-naħa l-oħra, Cutajar kompli tgħid kif dawn ir-realtajiet, sfortunatament iseħħu fuq tfal subien ukoll. “Hemm ukoll is-subien, li jekk jaqraw ktieb ikunu meqjusa bħala ‘sissies’ allura l-‘macho image’ taffetwa ħafna, partikolarment fuq kemm se jibqgħu jistudjaw. Għax il-macho image għalihom hi li jagħmlu xi ħaġa tal-idejn, allura minħabba din naraw li anke fis-subien hemm rata għolja li ma jkomplux l-iskola.”

 

Titkellem ukoll dwar id-diskriminazzjoni, fejn issemmi bħala l-iktar grupp diskriminat, lin-nisa, b’mod partikolari dawk li ġejjin minn pajjiżi Afrikani jew l-Indja, kif ukoll dawk in-nisa li m’għandhomx edukazzjoni. Tispjega li għalkemm l-edukazzjoni hija b’xejn għal kulħadd u jsiru diversi sforzi minn bosta istituzzjonijiet, bħall-istess Cottonera Resource Centre li tmexxi Cutajar, is-sitwazzjonijiet soċjali ta’ ċertu persuni, jagħmluha diffiċli ferm biex verament javvanzaw f’ħajjithom. “Ikun hemm min jgħidlek, imma dawn għalfejn ma komplux jistudjaw? U hemm tibda tisma’ b’ċertu stejjer, u tibda tgħid li dawn xi ‘horror stories’ li ġraw lil dawn it-tfal li ma setgħux ikomplu l-iskola, u mhux neċessarjament għax ma jridux,” tgħid Cutajar. Tispjega kif ikun hemm dawk li ma jkunux iridu jkomplu jistudjaw minn jeddhom, imma jkun hemm “min qiegħed fil-qiegħ u ġratlu xi ħaġa fil-familja, per eżempju xi ħadd mill-ġenituri jimrad, jew għal xi raġuni jabbanduna l-familja, xi ħadd mit-tfal jispiċċa jieħu r-responsabbiltajiet ta’ ġenitur ta’ età żgħira. Dawn isibuha difficli jkomplu l-iskola. U dawn huma stejjer li jiġru llum il-ġurnata.”

Id-differenza bejn l-irġiel u n-nisa, JosAnn Cutajar taraha wkoll fin-numru ta’ persuni li japplikaw għal korsijiet fi ħdan l-istess Cottonera Resource Centre. “Naraw per eżempju, fil-korsijiet tal-adulti, l-ammont ta’ nies li japplikaw għal korsijiet bħal dawk tal-kompjuter u l-internet, ikunu fil-maġġoranza tagħhom nisa ta’ iktar minn 50 sena. L-irġiel min-naħa tagħhom, ġeneralment jirnexxielhom jitgħallmu kif jużaw l-internet u l-kompjuter minn fuq ix-xogħol.” U dan, tkompli tispjeg Cutajar fi żmien fejn mingħajr it-tekonoloġija, “lanqas tkun qisek ċittadin.”

 

‘M’aħniex qed nużaw nofs ir-riżorsi li għandna’

Dwar id-distakk bejn in-nisa u l-irġiel, Cutajar qalet li b’hekk, “m’aħniex qed nużaw nofs ir-riżorsi li għandna.” Żiedet tgħid li fil-pajjiż, waqt li qed ninvestu ħafna fin-nisa, minħabba li l-istudenti fl-Università huma fil-maġġoranza tagħhom nisa, dan mhux dejjem jirrifletti f’dak li jiġri fid-dinja tax-xogħol. “In-nisa taħt it-30 sena għandhom rata għolja ta’ impjieg, imma mbagħad dawk li għandhom iktar minn 40 sena, tidħol dik id-diskrepanza,” kompliet tgħid Cutajar.

JosAnn Cutajar tatribwixxi dan lil ħafna fatturi, fosthom il-mentalità li qed tinbidel fejn jidħlu t-tfal, fil-fatt tibda tgħid li anke l-età ta’ meta mara jkollha t-tfal, dejjem qed togħla. “Ir-responsabbiltà tat tfal, donnha wkoll taqa’ fuq il-mara, anke jekk it-tnejn li huma jkunu jaħdmu, anke sempliċiment biex jiġbru lit-tfal mill-iskola. Din mhix neċessarjament awtomatika, imma iktar kulturali, u f’ċertu każi, l-omm tħossha ħatja li ma tkunx qed tqatta’ wisq ħin ma’ uliedha, u l-quality time magħhom, jiġi f’dan il-ħin.”

Meta tkellmet dwar in-nisa f’pożizzjonijiet maniġerjali fid-dinja tax-xogħol, Cutajar qalet li, “meta kien hemm nisa f’karigi għoljin, il-ħaddiema ħassewhom li iktar jistgħu jagħtu l-opinjoni tagħhom u ħassewhom iktar involuti fid-deċiżjonijiet, u s-sistema kienet timxi iktar b’mod laterali. Imma din l-idea ma tantx donnha daħlet f’pajjiżna, u ħafna għadhom jemmnu li min qiegħed fil-poter, għandu jkun raġel.”

 

More in Socjali