Ħal-Farruġ se jkun l-akbar sit fil-proġett ta' bini t'akkomodazzjoni soċjali

Il-bjut miksijin b'pannelli - Dak li jibqa’ mill-enerġija mhux użata jissarraf fi flus li jmorru għal fond li minnu ssir il-manutenzjoni tal-istess blokok.

L-ILLUM hi infurmata li l-akbar biċċa tal-investiment li se jagħmel il-Gvern fi proġett ta’ housing soċjali se jkun ikkonċentrat f’Ħal Luqa, preċiżament f’Ħal Farruġ.  Hawnhekk mistennijin jinbnew numru ta’ blokok ta’ apartamenti li mbagħad jitqassmu fost dawk li jinsabu fil-lista ta’ stennija quddiem l-Awtorità tad-Djar, liema lista bħalissa tlaħħaq it-3,000 applikant.

Il-proġett mistenni jiswa €50 miljun b’kollox, l-ILLUM hija infurmata li r-residenti mhux se jkollhom dritt għall-bjut minħabba li dawn se jkunu kollha miksija b’panelli solari. L-enerġija li se tiġi mill-panelli se tintuża għall-elettriku tal-komun, li jinkludi wkoll l-elettriku li jintuża għall-operat tal-lift. Dak li jibqa’ mill-enerġija mhux użata jissarraf fi flus li jmorru għal fond li minnu ssir il-manutenzjoni tal-istess blokok.

Minkejja li r-residenti mhux se jkollhom dritt għall-bejt, fattur komuni ħafna fl-aħħar snin għal bosta li xtraw proprjetà mill-privat wara bidliet fil-liġi li ppermettiet il-kostruzzjoni ta’ penthouses, l-appartamenti se jkunu kollha iċċertifikati mil-lat ta’ effiċjenza fl-enerġija, kif wara kollox huwa l-obbligu ta’ kull proprjetà illum qabel tinxtara jew tinbiegħ.

 

More in Socjali