L-ebda konsultazzjoni mal-KNPD dwar il-ftehim dwar persuni b'diżabilita'

Minkejja ċ-ċerimonja, il-ftehim mhu se jdaħħal l-ebda dritt ġdid għal persuni b’diżabbiltà

Il-President tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbiltà (KNPD), Oliver Scicluna stqarr mal-ILLUM li la hu u ħadd minn dawk li jirrapreżentaw lill-persuni b’diżabbiltà ma kienu kkonsultati dwar il-Memoradum of Understaing (MOU) iffirmat il-ġimgħa l-oħra. Dan il-ftehim, li l-ILLUM għandha f’idejha, jidher li qiegħed biss joffri linji gwida lil min iħaddem biex tkun tista’ tiġi implimentata l-miżura introdotta żewġ baġits ilu, li timponi kwota ta’ nies b’diżabbiltà fuq kull post tax-xogħol. Din il-miżura ntlaqgħet minn reżistenza minn min iħaddem.

Fil-fatt, wara li din il-gazzetta fliet id-dokument ta’ erba’ paġni, sabet li minkejja li l-ftehim kien ipproġettat bħala ‘pass storiku’ u preżenti għall-iffirmar ta’ dan l-MOU kien hemm, saħansitra l-Prim Ministru, fil-verità d-dokument qiegħed biss jiffaċilità l-implimentazzjoni ta’ miżura mħabbra sentejn ilu. 

Oliver Scicluna, għalkemm pożittiv dwar il-progress u l-kisbiet f’dan il-qasam fl-aħħar snin, innota b’dispjaċir li “aħna qatt ma konna involuti fil-proċess li wassal għal dan il-ftehim. Fil-fatt, jien kont infurmat bl-iffirmar ftit biss qabel u rajt il-ftehim il-ġurnata ta’ qabel iċ-ċerimonja, għax xtaqt inkun naf x’fih qabel inkun preżenti.”

Ikkuntattjat minn din il-gazzetta, iċ-chairperson eżekuttiv tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC) Clyde Caruana spjega li l-KNPD ma ġietx ikkonsultata minħabba li fi kliemu stess, “il-Memorandum of Understanding ma biddel xejn minn dak li kien mifthiem qabel u ma tnaqqas l-ebda dritt li kellhom nies b’diżabbiltà. Li għamilna, permezz ta’ dan il-ftehim, huwa li tajna aktar flessibbiltà lil min iħaddem.”

Ma’ dan, qabel ukoll Scicluna li spjega kif l-għan ta’ dan il-ftehim kien li jiġu ċċarati teknikalitajiet u jitneħħew diffikultajiet li kienu qed iżommu l-miżura mħabbra mill-Gvern milli tkun implimentata fit-totalità tagħha f’ħafna postijiet tax-xogħol.

Kemm Scicluna kif ukoll Caruana irrifjutaw l-idea li l-miżura li ħabbar il-Gvern, b’xi mod falliet fl-għanijiet tagħha. Filwaqt li Caruana qal li l-ftehim iffirmat il-ġimgħa l-oħra qiegħed biss joffri ftit iktar flessibbiltà għal min iħaddem, Scicluna qal li dak li hemm fil-MOU missu sar qabel biex il-miżura kienet tkun suċċess mill-ewwel u ma kinux jinqalgħu intoppi.

X’hemm eżattament fil-ftehim?

- Il-Gvern qed jipproponi reġistru nazzjonali ta’ nies b’diżabbiltà 

- Id-definizzjoni ta’ diżabbiltà hija dik użata minn Nazzjonijiet Uniti jiġifieri persuna “b’diżabbiltà fiżika, mentali, intelletwali jew b’kwalunkwe sfida li twaqqaf il-parteċipazjoni sħiħa ta’ individwu fis-soċjetà

- Jekk persuna ma tibqax parti minn dan ir-reġistrub’għażla tagħha, dan ma jkunx għad-detriment ta’ min iħaddem

- Persuni li diġà għandhom impjieg u għandhom diżabbiltà jgħoddu mal-kwoti ta’ persuni b’diżabbiltà

- L-ETC mhux se tippenalizza lil min ma jħaddimx persuna b’diżabbiltà b’mod dirett sakemm joffri sigħat jew xogħol lil persuni b’diżabbiltà b’mod indirett (outsourcing jew in-service)

- Inċentivi lil kull min joffri mill-inqas sena ta’ apprentistat lil persuna b’diżabbiltà

- Il-kwoti fuq dawk li joperaw grupp ta’ kumpaniji jkunu maħdumin fuq in-numru totali ta’ impjegati fil-grupp kollu

- Kull min iħaddem u jimpjega persuni b’diżabbiltà skont il-kwoti stabbiliti mill-Gvern fil-Baġit 2015, ikun eżenti minn ħlasijiet ta’ bolla fuq l-istess impjegati

More in Socjali