Marlene Mizzi tappoġġja miżuri ġodda biex jiġu provduti frott, ħxejjex fl-iskejjel

'Fl-UE, iktar minn 20 miljun tifel u tifla għandhom piż żejjed'

L-Ewroparlamentari Laburista Marlene Mizzi, li spiss staqsiet lill-Kummissjoni Ewropea dwar is-saħħa, l-obeżità, l-isport u kwistjonijiet oħra relatati mas-saħħa, appoġġjat bis-sħiħ miżuri ġodda biex tissaħħaħ u tingħata spinta lill-finanzjament għall-iskema tal-UE biex tipprovdi frott, ħxejjex u prodotti tal-ħalib fl-iskejjel. "L-iskema skolastika l-ġdida hija essenzjali biex tippromwovi l-konsum ta' ikel frisk u bnin ghat-tfal tagħna u tgħin sabiex tikkontribwixxi għal drawwiet għad-dieta futura tagħhom, dieti tajbin għas-saħħa" qalet l-MEP Mizzi.

Ir-regoli l-ġodda, ivvotati reċentement fill-Parlament Ewropew, se jtejbu l-iskemi li ġew introdotti xi żmien ilu bl-iskop li dawn ikunu aktar effiċjenti. L-UE ser tipprovdi 250m mil-baġit tagħha kull sena skolastika għall-Istati Membri, li minnhom 150 miljun  ser jigi kkunsmat għall-frott u l-ħxejjex filwaqt li 100m għall-ħalib fl-iskejjel.

Marlene Mizzi qalet li, "Fl-UE, iktar minn 20 miljun tifel u tifla għandhom piż żejjed u sfortunatament il-konsum tal-frott, ħxejjex u ħalib nieżel madwar l-Ewropa kollha. Dieta tajba u bilanċjata hija l-pedament ta' saħħa tajba, u għalhekk li teduka lit-tfal dwar ‘healthy eating’ minn età bikrija fl-iskola hija ta' importanza kbira."

L-iskemi l-ġodda se japplikaw għat-tfal bejn sitta u għaxar snin u l-iskejjel tal-pre-school kif ukoll dawk sekondarji li wkoll se jkollhom l-opportunità li jipparteċipaw. Iżda issa, għall-ewwel darba, sweeeteners miżjuda u flavour enhancers artifiċjali se ikunu pprojbiti mill-prodotti mqassma taħt dawn l-iskemi u ser ikunu permessi biss jekk ikunu awtorizzati mill-awtoritajiet nazzjonali tas-saħħa.

"Nittama li l-iskemi l-ġodda ser ikunu aktar effiċjenti u ser jippromwovu l-ikel frisk u mhux ipprocessat, kif ukoll l-ikel lokali u l-biedja organika. Prodotti friski lokali għanduhom ikollhom prijorità fuq ikel ipproċessat meta l-ikel jigi mqassam fl-iskejjel. Għalhekk, nemmen li din l-iskema hija eċċellenti għas-saħħa ta' 30 miljun tifel u tifla fl-iskejjel li se jibbenefikaw minnha. Edukazzjoni dwar in-nutrizzjoni b'saħħitha hija importanti sabiex jiġi evitat il-mard relatat mal-konsum tal-ikel u problemi ta' saħħa li jirriżultaw minn dieti ħżiena u żbilanċjati. L-iskema li aħna vvutajna għaliha hija investiment fis-saħħa tat-tfal tagħna u l-ġenerazzjonijiet futuri," temmet tgħid Marlene Mizzi. 

More in Socjali