Xogħolna huwa li nagħtu vuċi u saħħa lill-mara

L-ILLUM titkellem ma’ Marjoe Abela dwar il-proġetti tal-Girl Guides kontra l-vjolenza

Il-Malta Girl Guides qed ikunu xprun għal aktar għarfien kontra l-vjolenza fuq in-nisa
Il-Malta Girl Guides qed ikunu xprun għal aktar għarfien kontra l-vjolenza fuq in-nisa

F’moħħ ħafna, il-viżjoni li tiġi quddiemhom meta jisimgħu l-kelma ‘girl guides’, huwa numru ta’ bniet u tfajliet kollha lebsin l-istess, jimmarċjaw daqslikieku kienu suldati żgħar. Iktar minn hekk, fil-perċezzjoni ta’ ħafna, l-idea ta’ bniet jew tfajliet li jkunu ‘girl guides’, hija waħda bla użu u mibnija l-aktar fuq l-aspett ċerimonjali. 

L-ILLUM iżda sabet li din il-perċezzjoni ma tistax tkun aktar żbaljata minn hekk. Dan hekk kif bħalissa u għal dawn l-aħħar sentejn, il-Malta Girl Guides qed jaħdmu, mhux biss fost il-membri tagħhom stess iżda wkoll fis-soċjetà u mal-politiċi, biex titqajjem kuxjenza akbar dwar kwistjonijiet li jmissu diversi nisa f’pajjiżna: kemm dawk in-nisa li twieldu u trabbew f’Malta, kif ukoll fost dawk in-nisa li jispiċċaw f’pajjiżna wara li jkunu ħarbu mill-miżerja u l-faqar li hemm f’arthom. 

Marjoe Abela, iċ-Chief Commissioner tal-Malta Girl Guides (MGG) tispjega kif l-għaqda tmur lil hinn mill-idea popolari marbuta maċ-ċerimonja u kif illum, tħaddan il-viżjoni li tkun mezz biex tagħti vuċi u sens ta’ saħħa lill-mara, mill-età ta’ erba’ snin ’il fuq.

Hija spjegat kif bħalissa, l-MGG għaddejjin b’kampanja biex iqajmu diskussjoni u għarfien dwar il-mutilazzjoni ġenitali fuq in-nisa. Minkejja li sa ftit snin ilu, din ir-realtà imposta fuq bosta nisa f’diversi pajjiżi, l-aktar Afrikani, kienet totalment aljena għal Malta, bil-miġja ta’ numru ta’ immigranti nisa, is-sitwazzjoni saret realtà.

Il-mutilazzjoni ġenitali huwa proċess pjuttost aħrax li jsir fuq bniet ta’ età żgħira, l-aktar f’pajjiżi bħall-Eġittu, l-Eritrea, Guinea, Mali , Sierra Leone u Somalja, fost l-oħrajn. Dan il-proċess sar fuq madwar 200 miljun mara, fl-età tenera ta’ saħansitra sena u f’xi każi, wassal għal fatalità. F’ħafna każi, jwassal għal uġigħ kbir waqt it-twelid u infezzjonijiet fil-parti ġenitali tal-mara. Il-proċess, meqjus kontra d-drittijiet tal-bniedem fil-maġġor parti tad-dinja tal-punent, isir bħala forma ta’ impożizzjoni ta’ poter mir-raġel f’soċjetajiet li għadhom meqsjusin bħala maskilisti u fejn il-mara ftit għandha vuċi. 

Bil-moviment migratorju ta’ eluf kbar mill-kontinent Afrikan, din qed issir realtà fl-Ewropa wkoll, b’Abela tistma li madwar 60% tan-nisa li jinsabu fiċ-ċentri miftuħin f’Malta, sarilhom dan il-proċess.   

Bħala parti mill-proġett imsejjaħ ‘Voices against Violence’, il-Girl Guides qed jagħmlu lobbying fost il-politiċi wkoll dwar il-bżonn li jkun hemm l-għarfien meħtieġ, speċjalment fost l-infermieri u l-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, li jiġu wiċċ imb wiċċ ma’ din ir-realtà. Abela tkellmet dwar il-fatt li l-MGG qed tagħmel pressjoni biex ikun hemm linji gwida ċari fil-każ ta’ ħaddiema tal-isptar jew fil-qasam tas-saħħa meta jiltaqgħu ma’ każ simili, speċjalment waqt twelid. 

Abela fakkret kif f’Jannar tal-2014, il-mutilazzjoni ġenitali kienet saret illegali permezz ta’ liġi li ressaq il-Ministru Fearne. Ma’ dan il-proċess, sar illegali wkoll kull żwieġ li jkun sfurzat u dan minħabba li fiż-żewġ każi, ma kienx hemm liġi li tkopriehom. Minkejja dan il-pass mill-aktar pożittiv, Abela tgħid ukoll li għad fadal xi jsir speċjalment fid-direzzjoni ta’ taħriġ għal dawk li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa. 

Imma l-proġett tal-MGG, li beda fil-forma pilota fl-2012 u kien varat b’mod uffiċjali fl-2014, f’dawn is-sentejn tratta diversi forom oħrajn ta’ vjolenza fuq il-mara, fosthom il-vjolenza domestika, il-bullying u l-vjolenza psikoloġika li ssir fuq tfajliet li jkunu għadhom żgħar fl-età. 

Vjolenza Domestika: nagħtu direzzjoni 

Mal-ILLUM Abela spjegat kif parti minn dan il-proġett kien ukoll għajnuna diretta lill-membri, tfal u adulti biex ikunu jafu kif u għand min għandhom imorru biex ifittxu l-għajnuna f’każi ta’ vjolenza domestika. 

“Aħna ngħallmu lil-leaders fostna biex min-naħa tagħhom jgħinu lil min jiġi fuqhom u jiftaħ qalbu dwar kif għandhom jaffaċjaw sitwazzjoni ta’ vjolenza d-dar.” Mistoqsija mill-ILLUM jekk matul dan il-proġett kellhiex inkontri ma’ sitwazzjonijiet ta’ membri li kienu qed jaraw vjolenza d-dar, Abela wieġbet fil-pożittiv.

Hija spjegat kif mill-ewwel, malli beda l-proġett pilota, tliet tfajliet resqu għand il-MGG u tkellmu dwar esperjenza li kellhom id-dar. Marjoe spjegat kif malli jsir dak li jissejjaħ ‘disclosure’, membru adult tal-MGG iressaq il-każ għand professjonisti li jmexxu jew jieħdu azzjoni jekk iħossu li hemm il-bżonn. 

Tinkwieta li għad hemm min isib il-vjolenza xi ħaġa aċċettabbli

Hija spjegat kif minkejja li f’Malta sar titjib u qed nitilqu mill-idea li l-vjolenza fuq il-mara hija aċċettabbli, “għad fadal xi jsir. Biżżejjed naraw li fl-aħħar stħarriġ li għamilna fost iż-żgħażagħ kien għad hemm persentaġġ ta’ persuni li għadhom iħossu li l-vjolenza tista’ tkun ġustifikata, f’xi każi.” 

Abela kienet qed tirreferi għal stħarriġ li sar mill-istess Malta Girl Guides, ippublikat fl-2013 u li kien juri kif it-tieni kawża ta’ vjolenza msemmija kienet li “persuna tkun ħaqqha tiġi trattata ħażin.”

Mal-ILLUM semmiet każ partikolari fejn għaliex tifla rraportat każ ta’ vjolenza fid-dar tagħha, ma tħallietx tattendi aktar għas-sessjonijiet tal-Girl Guides. 

Abela temmet tgħid li fil-każ ta’ vjolenza fuq il-mara, ma kienx hemm xejra partikolari marbuta ma’ klassi soċjali jew ma’ żona fil-pajjiż u qalet li kulħadd huwa suxxettibbli li jgħaddi minn dawn l-esperjenzi. Mal-ILLUM qalet li l-għan tal-MGG se jibqa’ jkun dak li joħloq kemm jista’ jkun għarfien biex tingħata vuċi lil min m’għandux. 

More in Socjali