'Irrikonoxxu l-obeżità bħala marda kronika'

MEPs immexxija minn Alfred Sant isostnu li l-obeżità qed tiswa lill-pajjiżi Ewropej €70 biljun fis-sena

Membri Parlamentari Ewropej, immexxija mill-Ewroparlamentari Malti Alfred Sant, nedew dikjarazzjoni bil-miktub li talbet lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill Ewropew biex jirrikonoxxu l-obeżità bħala marda kronika.

Membri tal-Parlament Ewropew qed imexxu inizjattiva li tiffoka fuq l-epidemija tal-obeżità li qed tiżdied fl-Ewropa u li qed tiswa lill-gvernijiet Ewropej aktar minn €70 biljun fis-sena f’servizzi tas-saħħa u produttività mitlufa.

Id-dikjarazzjoni tbassar li sas-sena 2030, aktar minn 50% tal-Ewropej se jkunu obeżi. F’ċertu pajjiżi, in-numru ta’ nies li se jkollhom piż żejjed jew obeżità jista’ jaqbeż saħansitra d-90%.

“Diġà huwa stmat li l-obeżità qed tiswa lil Unjoni Ewropea mas-€70 biljun fis-sena f’servizzi tas-saħħa u produttività mitlufa,” qal Sant. “Il-piż tal-ispejjeż kollha jaf ikunu aktar minn hekk, għax l-obeżità tikkawża mard ieħor, bħal pereżempju d-dijabete, mard tal-qalb u forom ta’ kanċer.”

“Titjib fil-prevenzjoni u t-trattament tal-obeżità tnaqqas b'mod tanġibbli n-nefqa tas-servizzi tas-saħħa, kif ukoll inaqqsu t-tbatija tal-miljuni ta’ nies li huma affettwati b’din il-marda. L-obeżità hija kumplessa għax ikkawżata minn fatturi differenti; fatturi li jinkludu dawk mediċi, kulturali u anki soċjo-ekonomiċi. Minħabba din is-sitwazzjoni, hemm bżonn urġenti li l-obeżità tkun rikonoxxuta bħala marda biex ir-riżorsi jkunu użati aħjar f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni, it-trattament u l-kura tal-marda,” sostna Alfred Sant.

Kelliema oħra preżenti f’din l-okkażjoni kienu Dr Roberto Bertollini, Chief Scientist u rappreżentant tal-WHO għall-UE; Dr Nathalie Farpour-Lambert, President Elect of the European Association for the Study of Obesity (EASO); and Ellen Govers mill-European Federation of the Association of Dietitians.

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li s-soċjetà u l-gvernijiet għandhom jaħdmu biex tkun ikkontrollata l-epidemija tal-obeżità. “Il-politika nazzjonali tal-pajjiżi għandha tinkoraġġixxi u tipprovdi opportunitajiet għal aktar attività fiżika. Kif ukoll għandha tiżgura li l-ikel sustanzjuż ikun aċċessibbli, disponibbli u bi prezzijiet raġonevoli. Nies minn setturi differenti tal-Gvern, mis-soċjetà ċivili u mis-settur privat, ukoll għandhom ikunu involuti.” qalet il-WHO.

Il-Membri Parlamentari Ewropej li ħolqu flimkien id-dikjarazzjoni bil-miktub ma’ Alfred Sant huma Enrico Gasbarra (S&D), Marc Tarabella (S&D), Fabio Massimo Castaldo (EFDD), Patricija Šulin (PPE), Giovanni La Via (PPE), Tomáš Zdechovský (PPE), Ivan Jakovčić (ALDE), Edward Czesak (ECR), u Ángela Vallina (GUE/NGL).

More in Socjali