Toħorġux il-ħornijiet minn issa ... Ira għad trid tegħleb erba' kompetituri iebsin ħafna

Jekk noqgħodu fuq l-imħatri, Ira sejra tajjeb ħafna imma għad fadlilha erba' kompetituri iebsin qabilha...l-aktar wieħed diffiċli jkun Sergey tar-Russja.

Ira Losco...sejra tajjeb imma għadha ma laħqitx il-quċċata
Ira Losco...sejra tajjeb imma għadha ma laħqitx il-quċċata

Minkejja li f'Malta l-għidut huma li din is-sena Malta se tirbaħ il-Eurovision u għalkemm hemm min diġà beda jipprepara l-ħornijiet u l-bnadar biex jiċċelebra, ikun tajjeb li tinżamm ċerta kawtela hekk kif id-diska ta' Ira Losco qiegħda fil-ħames post skont diversi imħatri li qed isiru minn kumpaniji ewlenin dwar il-Eurovision. 

Fil-fatt skont dak li qed jidher bħalissa fuq is-sit eurovisionworld.com il-kanzunetta ta' Ira Losco għalkemm qiegħda f'post tajjeb ħafna, numru ħamsa, għad fadlilha tegħleb erba' kompetituri iebsin. L-aktar kompetitur iebes u l-iktar pajjiż li qed jissemma biex jirbaħ il-Eurovision ta' din is-sena huwa Sergey Lazarev tar-Russja bil-kanzunetta tiegħu 'You are the Only One'. Din il-kanzunetta flimkien ma' 'J'ai Cherchè' ta' Franza qegħdin fuq quddiem sew skont l-imħatri, bl-Awstrija u l-Iżvezja jiġu wara.

Din id-darba, it-tamiet għal Ira Losco huma għoljin ħafna u l-aspettativa hija tali li Malta jew se tirbaħ jew inkella se tkun fost l-aktar pajjiżi ta' quddiem. Il-kantanta Maltija ħalliet pajjiżna din il-ġimgħa, biex tibda dik li se tkun l-aħħar ġirja madwar l-Ewropa fejn mistennija tagħmel promozzjoni qawwija tad-diska 'Walk on Water'.

 

More in Socjali