Il-Fjur Tal-Ġilju tal-Imqabba tagħlaq 140 sena

 B’ħarsitha l-isfel u b’idejha fuq sidirha, tidher qed titpaxxa tħares lejn l-ulied mifdijin tagħha

Sa ftit snin ilu, l-uniku ħjiel li kien hemm dwar id-data u l-oriġini tal-Vara tal-Madonna tal-Ġilju, kien min nota li dehret fil-gazzetta Il Corriere Mercantile Maltese, tat-8 ta’ Mejju 1876. Fiha, il-kontributur iħabbar il-Festa tal-Madonna tal-Ġilju li kellha ssir fl-Imqabba fil-21 ta’ Mejju. Jgħid ukoll li għal din il-Festa ser tiġi wżata għall-ewwel darba l-vara “bellissimo lavoro del signor G. Darmanin”. Jgħid ukoll li l-Festa kienet f’idejn is-Sur Innoċenz Zammit, li kien ukoll ħallas biex saret l-Istatwa.

Sal-bidu tas-snin disgħin tas-seklu l-ieħor, kien maħsub li l-isem tal-Istatwarju “G. Darmanin”, kien miktub hekk bi żball, għax minflok kellu jkun Karlu Darmanin. Bħala stil tixbaħ ħafna liż-żewġ statwi tal-Immakulata li Karlu Darmanin kien għamel għal Ħal Qormi u għar-Rabat, imma wiċċ il-Madonna jidher ferm isbaħ fl-Istatwa tal-Imqabba milli l-oħrajn. U aspett ieħor li juri li din l-istatwa ħarġet minn idejn ħaddieħor huwa l-fatt li xagħar il-Madonna mhux kollu mogħtti bil-velu. Karlu mhux soltu li kien iħalli xagħar l-istatwi tiegħu jidher meta dawn ikollhom xi velu.

Fis-snin disgħin instabet referenza oħra għal din l-okkażjoni u minnha ħarġu aktar dettalji mportanti dwar l-oriġini ta’ din l-Istatwa Artistika. “La Rigenerazione” tat-8 ta’ Ġunju 1876, titkellem dwar il-festi li saru l-Imqabba bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-miġja tal-Istatwa fil-Knisja. Din id-darba fuq l-Istatwa jingħad hekk: “In quest’ anno fu fatta una nuova statua, merce’ del maestro Innocenzo Zammit , la quale riusci’ bellissima e devotissima, e fa onore al Signor Giovanni Darmanin che l’ha eseguita in cartapesta”. L-isem tal-Istatwarju kien miktub sħiħ bħala “Giovanni Darmanin”, u minn riċerka li saret, irriżulta li ma kien ħadd għajr ħu Karlu. Minn fost l-istatwi kollha li għamel, il-Madonna tal-Ġilju tal-Imqabba għandha żgur titqies bħala l-kapolavur tiegħu, għaliex fl-ebda statwa oħra ma rnexxielu jpoġġi x-xogħol fin u eleganti li poġġa f’din.

Fir-raħal għadhom jeżistu għidut li Innoċenzu Zammit jidher li fettillu jordna statwa u għamel ta’ rasu bla ma ġab l-approvazzjoni u l-permessi ta’ ħadd. Meta tlestiet, ħadha d-dar u esibiha għall-pubbliku. Dan ġab l-oppożizzjoni tal-kleru li fl-opinjoni tagħhom din l-Istatwa kellha tinġab fil-Knisja, titbierek u wara titpoġġa għall-venerazzjoni pubblika.

Sal-2001, dan kien meqjus biss bħala għidut tal-poplu, sakemm fis-sena li fiha l-Istatwa għalqet 125 sena mill-miġja tagħha fl-Imqabba, instab dokument prezzjuż, li fih Innoċenzo Zammit jitlob permess lill-isqof biex l-Istatwa tal-Madonna tal-Ġilju li hu kien ikkummissjona tiddaħħal fil-Knisja u “titpoġġa ġo kaxxa tal-ħġieġ fil-Kappellun tal-Kunċizzjoni, fejn ma toħloq ebda skomdu”. Minn din in-nota jidher ċar li din l-Istatwa saret mill-ewwel bħala l-Madonna tal-Ġilju u dan għandu jsikket diversi għidut oħra li l-istatwa oriġinarjament saret bħala l-Immakulata u mbagħad żdidilha l-anġlu bil-ġilju wara.

F’din ix-xbiha sabiħa, lill-Madonna narawha wieqfa fuq is-sħab bid-dinja taħtha. B’ħarsitha l-isfel u b’idejha fuq sidirha, tidher qed titpaxxa tħares lejn l-ulied mifdijin tagħha. Taħt sieqha l-leminija hemm ras is-serp tad-dnub bi frotta f’ħalqu. Taħthom hemm il-qamar, riferenza għall-mara tal-Apokalissi “liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha”. Maġenb il-Madonna hemm puttin żgħir għarkubbtejh, iżomm ġiljuwa f’idu, simbolu tas-safa ta’ Marija.

L-Istatwa ma damitx ma ġibdet lejha ċerta devozzjoni, u xhieda ta’ dan huma l-għotjiet prezzjużi li bdew jingħatawla. Meta waslet l-Imqabba, diġa’ kellha stellarju tal-fidda. L-ewwel għotja ta’ kalibru wara din ġrat fl-1902, meta Giovanna Manche’, mill-Belt, tatha ġiljuwa tal-fidda bħala ringrazzjament tal-fejqan tan-neputija tagħha Eleonora, mis-Sandfly Fever. Din il-ġiljuwa ħadet post oħra naturali f’idejn l-anġlu, u sal-lum għadha tagħni il-vara.

Fuq dik l-istatwa ta’ Giovanni Darmanin, baqgħet tintefa’ attenzjoni speċjali, fil-fatt fl-1954 saritilha bradella ġdida li ħadet post l-oħra li tfarrket bil-gwerra, u matul is-snin sarulha diversi nterventi ta’ restawr. Ta’ min jgħid li l-Vara tal-Madonna tal-Ġilju ntradmet kompletament fl-attakk tad-9 t’April 1942, iżda b’xorti kbira, l-ħsara li sofriet kienet waħda minima. Illum din ix-xbieha tgawdi għożża kbira fil-komunita’ Mqabbija, u l-ħarsa ħelwa tagħha tisraq qalb dawk kollha li jżuruha ta’ kull sena fil-jiem tal-Festa tal-Madonna tal-Ġilju. L-imħabba lejn din il-vara, tista’ tiġi espejenzata b’mod doppju, għaliex hija waħda mill-ftit vari f’pajjiżna li jinħarġu b’mod proċessjonali darbtejn fis-sena. F’din is-sena speċjali fejn qegħdin nagħmlu t-tifkira tal-140 sena mill-miġja tagħha f’din il-Komunita’, aħna, mixħutin quddiem din-ix-xbiha li tant taspira devozzjoni, nitolbu lill-Madonna tal-Ġilju sabiex kif għamlet tul dawn is-snin kollha, tkompli żżommna taħt mantarha u tindukrana bil-grazzji tagħha.

More in Socjali