Il-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa huwa wieħed dubjuż

Il-BirdLife Malta tiżvela kif il-Kummissjoni Ewropea, talbet spjegazzjoni formali lill-Gvern Malti dwar il-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa ta’ din is-sena. Waqt konferenza stampa Daryl Grima, president tal-Birdlife, qal li din id-deċiżjoni, tixhed kemm hi dubjuża s-sostanibbiltà tal-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa. Qal ukoll li l-gvern għamel żball li fetaħ dan l-istaġun.

It-talba tal-Kummissjoni Ewropea tfaċċat abbażi ta’ rapport riċenti li sar min-naħa tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-natura. Dan ir-rapport żvela li l-popolazzjoni tal-gamiem fl-Ewropa naqset drastikament bi 80% f’dawn l-aħħar 30 sena.
Mark Sultana, il-kap eżekuttiv tal-BirdLife qal li d-deċiżjoni meħuda mill-Kumitat Ornis biex jinfetaħ l-istaġun tal-kaċċa kienet waħda politika u mhux xjentifikament ġusta. Qal ukoll li se tkun diffiċli li l-gvern jagħti raġunijiet politiċi validi lill-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma investigatx fi żmien meta l-kwota kienet ta’ 11,000 gamiema imma issa għalkemm il-kwota niżlet għal 5,000 gamiema, il-Kummisjoni qed tistħarreġ dan il-ftuħ tal-istaġun għaliex il-gamiem jinsabu fi stat tant vulnerabbli. Għaldaqstant dan jista’  jfisser li Malta qed mhix iżżomm mal-limiti li waqqfet il-Qorti Ewropea.

Il-Kumitat kontra l-Qtil tal-Għasafar (CABS) fil-Ġermanja stqarret li l-inqas għasafar protetti qed jiġu kkaċċjati f’Malta. Madanakollu, Sultana qal li dan kien għaliex naqas l-ammont ta’ għasafar li passew minn fuq Malta minn kemm ilu li fetaħ l-istaġun. Barra minn hekk, fil-kaċċaturi trawmet il-biża’ li jiġu arrestati jekk ma jżommux mal-liġi. Sultana stqarr li hemm il-biża’ li l-kaċċaturi jibdew jimmiraw għall-għasafar protetti hekk kif l-infurzar tal-liġi jillaxka xi ftit.

 

 

More in Socjali