'In-nies għejjew jisimgħu fuq il-politika l-ħin kollu'

Quinton Scerri jgħid li ħafna nies qed ifittxu produzzjonijiet li jżommu l-bogħod mill-politika għax għejjew jisimgħu

Il-membri tal-produzzjoni Skjetti, fost l-aktar popolari fuq it-TV Malti
Il-membri tal-produzzjoni Skjetti, fost l-aktar popolari fuq it-TV Malti

Matul din l-iskeda, kien hemm l-introduzzjoni ta’ programm ta’ diskussjoni ġdid, u b’differenza għaliex ma trattax suġġetti politiċi. Minkejja li din kienet l-ewwel sena tiegħu, il-programm ‘Skjetti’ attira udjenza tajba, bin-nies jikkwotawh mal-aktar għaxar programmi favoriti tagħhom. Il-preżentatur tal-programm Quinton Scerri esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan ir-riżultat, iktar u iktar meta dan kien, “esperiment li bdejna naħdmu fuqu biss ftit qabel ma bdiet l-iskeda.”

Scerri jkompli jgħid li dan ir-riżultat jkompli jagħti kuraġġ lit-tim tal-produzzjoni    biex ikompli jaħdem anke għal skeda oħra.

Meta mistoqsi dwar x’jaħseb li huwa s-sigriet tas-suċċess ta’ dan il-programm, Scerri qal li, “t-tendenza qed tinbidel u n-nies għejjew jisimgħu dejjem fuq politika, u għalhekk il-programm ikun kemm jista’ jkun differenti.” Fil-fatt, s’issa ‘Skjetti’ tratta mal-150 suġġett u qatt dwar politika. Scerri kompla jgħid li fuq l-istazzjonijiet lokali, “hemm doża qawwija żżejjed ta’ politika,” u n-nies għejjew jisimgħu dwar dan. “Iridu jkunu jafu x’inhu jiġri, u għalhekk jaraw l-aħbarijiet,” imma kompla jgħid li hemm wisq programmi politiċi fuq l-istazzjonijiet lokali.”

More in Socjali