L-aktar xitwa xotta fir-rekords

Frar l-aktar xahar xott tul ix-xitwa li għaddiet u fit-93 sena li għaddew

L-ogħla temperatura tax-xitwa tintlaħaq f’Marzu b’24.6°C
L-ogħla temperatura tax-xitwa tintlaħaq f’Marzu b’24.6°C

B’99.6 mm ta’ xita, ix-xitwa li għaddiet kienet kważi erba’ darbiet aktar xotta mis-sena ta’ qabel u l-aktar xitwa xotta fir-rekords. Fil-fatt, ix-xitwa kienet ikkaratterizzata minn temp li ġeneralment ikollna fir-rebbiegħa fil-gżejjer Maltin. Dan in-nuqqas ta’ xita, iżda, ħalla impatt negattiv fuq l-uċuħ tar-raba’ u l-għelieqi.

Ħarsa ħafifa lejn it-temp tul ix-xitwa li għaddiet – waħda mill-anqas xtiewi ħorox li nistgħu niftakru – turi li lokalment kien hawn nuqqas ta’ xita u li t-temperaturi tal-baħar u tal-arja kienu ogħla min-norma. Fil-fatt, l-ogħla temperaturi tal-arja rreġistrati għal kull xahar tax-xitwa kienu qrib ħafna t-temperaturi massimi rreġistrati f’April u f’Mejju tal-2015. Dawn it-temperaturi għoljin għal dan iż-żmien tas-sena kienu esperjenzati f’ħafna nħawi fl-Ewropa u affettwaw l-imġiba tal-annimali u anki l-pjanti.

Lokalment, il-ġranet kienu aktar imdawlin mis soltu, bid-19 ta’ Frar tgawdi x-xemx għal 10.2 sigħat, li huwa biss ftit anqas mill-medja ta’ sigħat imdawlin irreġistrata f’Awwissu 2015. It-23 ta’ Diċembru u s-26 ta’ Jannar ukoll kienu ġranet li fihom ix-xemx ħarġet għal sigħat twal.

Għalkemm f’Diċembru niżel l-akbar ammont ta’ xita, il-45.8 mm irreġstrati xorta kienu anqas min-norma ta’ 104.8 mm għal dan iż-żmien tas-sena. Bi 2.6 mm ta’ xita, Frar kien l-aktar xahar xott fix-xitwa li għaddiet u anki mill-1923. Bejniethom,Jannar u Marzu rreġistraw ftit aktar minn 51 mm ta’ xita u ż-żewġ istanzi ta’ silġ għax-xitwa li għaddiet.

Fi Frar it-temperatura laħqet 23.6°C, biex b’hekk dan ix-xahar sar l-aktar Frar sħun f’dawn l-aħħar 93 sena. Ta’ min jinnota li fl-Istati Uniti, l-Alaska wkoll kellha l-aktar Frar sħun f’perjodu ta’ aktar minn 90 sena. Lokalment, l-ogħla temperatura għax-xitwa ntlaħqet f’Marzu b’24.6°C, u u l-aktar temperatura baxxa kienet ta’ 5.9°C f’Jannar. 

Il-baħar ukoll kien aktar sħun mis-soltu tul ix-xitwa, fejn Jannar irreġistra l-ogħla temperatura tal-baħar għal dan ix-xahar bi 17.6°C. F’Diċembru, minflok gkieket wieħed seta’ prattikament jilbes il-malja jew il-wetsuit u jerħilha lejn il-baħar hekk kif it-temperaturi tal-baħar kienu madwar 18.6°C.

More in Socjali