55 skola rikonoxxuta għax-xogħol li jagħmlu sabiex jipproteġu lill-istudenti online

Evarist Bartolo u José Herrera jindirizzaw ċerimonja tal-għotja ta’ ċertifikati tal-‘eSafety Labels’ lill-iskejjel

L-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA), b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-eLearning illum organizzat attività fejn skejjel li ġew akkreditati l-eSafety Label ġew rikonoxxuti uffiċjalment.  55 skola ġew ippreżentati b’ċertifikat li jirrifletti l-livell milħuq li jvarja bejn bronż, fidda u deheb u li huwa rifless ta’ proċeduri u politika addottata fl-iskola biex tipproteġi l-istudenti tagħha online. Kull skola akkreditata ngħatat plakka biex titwaħħal fl-iskola tagħhom.

Iċ-ċerimonja tal-għotja taċ-ċertifikati seħħet fil-Kulleġġ San Tumas More, Ħal Tarxien. Preżenti kien hemm il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo, is-Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u t-Tkabbir Ekonomiku, José Herrera, flimkien maċ-Chairman tal-MCA, l-Avukat Edward Woods.

F’kull pajjiż it-tfal u ż-żgħażagħ qed iġorru magħhom apparat li maż-żmien qed isir iktar b’saħħtu fejn qed joħolqu rabta ma’ siti soċjali, jibnu l-komunitajiet tagħhom online kif ukoll jikkreaw u jaqsmu l-kontenut. Illum il-ġurnata, f’din l-era diġitali, mhuwiex prattiku li tillimita l-użu tat-teknoloġija biex tipproteġi t-tfal u ż-żgħażagħ imma tista’ taħdem kontra fejn tidħol l-edukazzjoni formali kif ukoll taffettwa l-iżvilupp tagħhom. Biex tappoġġja l-iskejjel fl-isforzi tagħhom biex jippermettu lill-istudenti jigawdu d-dinja virtwali, European Schoolnet waqqfet l-eSafety Label, akkreditazzjoni għall-iskejjel madwar l-Ewropa. Dan juri pass kbir ‘il quddiem fl-isforzi sabiex jiżviluppaw standards għoljin ta’ sigurtà u jipprovdu soluzzjonijiet prattiċi lejn din l-isfida. 

Waħda mir-responsabbiltajiet tal-MCA hija li jsir progress fis-soċjetà diġitali, inkluż l-użu sigur u intelliġenti tal-Internet mill-minorenni. Matul is-snin, il-MCA, flimkien mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal, Aġenzija Appoġġ u d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi,  ġiet koordinata l-implimentazzjoni tal-BeSmartOnline!, proġett ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea.   

Minn Jannar li għadda, il-MCA żiedet il-ħidma tagħha f’dan il-qasam u ġiet rikonoxxuta bħala l-amministratur nazzjonali tal-eSafety Label. “Il-MCA flimkien ma’ diversi entitajiet oħra kienet fuq quddiem sabiex tqajjem għarfien fuq ir-riskji assoċjati mal-użu tal-Internet. Din l-inizjattiva provdiet triq oħra li tista’ tittieħed biex dan il-għan jintlaħaq waqt li tkompli tikkomplimenta u tappoġġja l-ħidma li qed issir mis-settur edukattiv sabiex it-tfal japprofittaw mill-opportunitajiet teknoloġiċi li llum għandhom fl-iskejjel,” qal is-SP Herrera.

Il-Ministru Bartolo tkellem fuq l-użu tat-teknoloġija li dejjem jikber fl-iskejjel qabel fakkar iżda li s-sigurtà tat-tfal u ż-zgħażagħ hija kruċjali. “Fid-dinja tal-lum irid ikun hemm ambjent diġital aktar wiesa’ u miftuħ b’għodda aħjar li jiġġieled in-naħa mhux daqshekk tajba tar-revoluzzjoni online,” enfasizza l-Ministru.

Skejjel li jixtiequ jiksbu dan ir-rikonoxximent jistgħu jagħmlu dan billi jidħlu fuq is-sitwww.esafetylabel.eu fejn jiġu gwidati permezz ta’ servizzi li jinkludu mekkaniżmu ta’ awtovalutazzjoni li tkun segwita minn pjan ta’ azzjoni personalizzata u ta’ gwida biex isaħħu l-proċeduri tagħhom f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, l-iskejjel diġà akkreditati jistgħu jibbenefikaw minn firxa wiesgħa ta’ riżorsi u minn komunità online li se tippermettilhom li jaqsmu l-ideat u l-esperjenzi tagħhom ma’ korrispondenti minn pajjiżi oħra. Skejjel li jixtiequ aktar tagħrif jistgħu jżuru s-sit www.esafetylabel.eu. F’każ ta’ diffikultajiet u mistoqsijiet, wieħed jista’ jikkuntattja l-MCA fuq 21336840.

More in Socjali