Jibda jopera ċ-ċentru għall-anzjanità attiva ġewwa Raħal Ġdid

Konkorrenza qawwija għal dan iċ-ċentru

Is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali illum beda jopera ċentru għall-anzjanità attiva ġewwaRaħal Ġdid.

Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana llum żaret dan il-post fejn ser ikun għaddej programm ta’ Lifelong Learning għall-anzjani li jattendu dan iċ-ċentru. Hija ħabbret li għal dan iċ-ċentru diġà hemm konkorrenza qawwija ta’ anzjani għalkemm dan għadu kemm beda jopera.

Justyne Caruana qalet li dan huwa possibli wara sejħa li għamel is-Segretarjat Parlamentaribiex isiru proposti minn kunsilli lokali u entitajiet madwar Malta u Għawdex biex jipprovdu servizzi relatati mal-anzjani. Għalhekk hija faħħret il-kunsill lokali ta’ Raħal Ġdid għal din l-inizjattiva li ħa u appellat għall-aktar kunsilli lokali biex jimxu fuq l-eżempju ta’ dan il-kunsill u javviċċinaw is-Segretarjat Parlamentari bil-proposti tagħhom. Hija qalet li dan huwa neċċessarju sabiex tiżdied il-firxa ta’ servizzi għall-anzjani peress li f'pajjizna għandha popolazzjoni li qiegħda ssir aktar anzjana.

Hija fakkret li matul din il-leġislatura infetħu aktar ċentri għall-anzjanità attiva, fosthom wieħed fix-Xewkija, f’Taċ-Ċawla Għawdex, f’Santa Luċija, fis-Swieqi, u fil-Gżira. 

Dan iċ-ċentru se jibda jiftaħ darbtejn fil-ġimgħa u min jixtieq jattendi jista’ jagħmel kuntatt mal-Kunsill Lokali jew mad-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità.

 

More in Socjali