62% tal-istudenti ma jħossuhomx preparati għad-dinja tax-xogħol

Proposti għas-sistema edukattiva minn Pulse

62% tal-istudenti post-sekondarji jemmnu li s-sistema edukattiva, ma tippreparhomx b’mod adatt għall-ħajja fil-post tax-xogħol. Dan ħareġ minn stħarriġ li l-għaqda studenteska Pulse ħejjiet fost l-istudenti.

L-istħarriġ sar fost 4,500 persuna, u r-riżultati tagħhom ġew miġbura f’rapport ta’ 24 paġna, bl-isem ta’ ‘Change the System’. Kelliem għall-għaqda qal li dan ir-rapport u r-riżultati, ġew ispirati minn sistemi edukattivi barranin, fosthom dawk tar-Renju Unit, tal-Ġappun u tal-Finlandja. Ir-rapport kien riżultat ta’ xhur sħaħ ta’ stħarriġ u analiżi tar-rispons li nġabar. 

F’dan ir-rapport, l-għaqda Pulse ħarġet b’diversi suġġerimenti u proposti, bil-għan li jkun hemm titjib fis-sistema edukattiva preżenti. Fost dawn il-proposti, Pulse qalu li jkun ideali li kieku l-istudenti jkunu jistgħu jagħmlu perjodu ta’ ‘job shadowing’ waqt is-sena tal-iskola tagħhom, li tagħti l-opportunità li l-istudenti jaraw iktar mill-qrib dak li jinvolvi x-xogħol tagħhom li se jkunu qed jagħmlu, ġaladarba joħorġu mill-istituzzjoni edukattiva. B’hekk, tkun qed tiġi indirizzata l-problema li qed iħossu l-istudenti, li mhux qed ikunu preparati biżżejjed għad-dinja tax-xogħol.

Proposta oħra ta’ Pulse kienet dik li l-istudenti jkunu jistgħu jerġgħu jagħmlu l-eżamijiet tagħhom fis-sessjoni ta’ Settembru sabiex itellgħu l-marka tagħhom, anke jekk ikunu għaddew mal-ewwel darba minn tali suġġett. Dan waqt li hu propost ukoll, li fis-sessjoni ta’ Settembru, l-istudenti jkunu jistgħu jġibu marka ogħla minn ‘D’ f’kas li dak ikun ir-riżultat tal-eżami. Dan minħabba li preżentament, meta student ikun qed ipoġġi għal resit tal-eżami, il-marka massima li jista’ jġib, hija ‘D’, irrelevanti minn kemm hija fil-verità l-marka miksuba.

Minbarra proposti fejn għandhom x’jaqsmu l-istudenti universitarji, Pulse tkellmu u ssuġġerew ideat għal studenti li jkunu qed jagħmlu l-eżamijiet tal-O u A levels, sabiex jitħallew jagħmlu r-resit tagħhom, anke jekk ikunu għaddew mal-ewwel darba, biex dawn ikollhom ċans ieħor biex ikunu jistgħu jiksbu marka aħjar, waqt li jkunu jistgħu jiksbu marka iktar għolja minn ‘D’ fl-eżamijiet tar-resit ta’ Settembru, biex ikunu jistħgu jakkwistaw il-punti neċessarji ħalli jidħlu fil-korsijiet Universitarji li jridu. 

L-għaqda proponiet ukoll li fl-iskejjel post-sekondarji, is-suġġet preżentament obbligatorju tas-Systems of Knowledge, ikun għażla tal-istudent.

Qalu wkoll li għandhom jerġgħu jiġu introdotti l-eżamijiet tal-Junior Lyceums u dawk tal-Common Entrance.

L-għaqda Pulse, fil-proposti tagħha semmiet ukoll il-paga tal-għalliema, li ssuġġeriet li dawn jiżdiedu, biex jiġi żgurat li dawn jgħallmu b’aktar passjoni, li hi ħaġa li l-istudenti ħassew li hija nieqsa.

More in Socjali