Tal-majjalati mixwijin mill-MEPA

....il-Mepa ma tweġibx mistoqsijiet ta’ din il-gazzetta dwar l-għeluq tagħhom

Jidher li bħalissa mhuwiex biss il-ħanżir li qed jinxtewa’ għall-ikel imma wkoll numru ta’ proprjetarji ta’ postijiet li jservu l-ikliet, tant popolari ma’ diversi Maltin, magħrufin bħala ‘majjalati’.

L-ILLUM hija infurmata li numru ta’ postijiet fejn jisserva dan it-tip ta’ ikel, ġew magħluqin mill-MEPA, fosthom post partikolari fl-akwati ta’ Ħaż-Żebbuġ. Apparti dan, grupp ta’ nies li kellhom festini ppjanat f’post magħruf sew għall-majjalati għamlu kuntatt ma’ din il-gazzetta u spjegaw kif dan il-festin kien ikanċellat fl-aħħar minuta.

L-ILLUM għamel kuntatt mal-istess post fejn jiġi servut il-majjal mixwi, bil-proprjetarji jikkonfermaw li bħalissa qed ifitxu post ġdid hekk kif jidher li l-MEPA qed tissikka ċ-ċintorin fil-konfront ta’ numru ta’ postijiet li fihom ikunu organizzati dawn it-tip ta’ ikliet.

L-ILLUM  bagħtet numru ta’ mistoqsijiet lill-MEPA li sal-ħin tal-publikazzjoni kienet għandha mingħajr risposta għalihom. Din il-gazzetta staqsiet lill-MEPA tikkonferma li ttieħdet azzjoni kontra persuni jew negozji li jorganizzaw il-majjalati. Staqsiet ukoll fuq kemm-il post simili ttieħdet azzjoni, u fl-aħħar liema kienu dawk ir-raġunijiet li għalihom ittieħdet din l-azzjoni.

Minkejja li bgħatna dawn il-mistoqsijiet nhar it-Tlieta li għadda, bqajna bla risposta. Sadanittant, apparti l-majjal, bħalissa anke min isajru qed jinxtewa.

 

 

 

More in Socjali