'Għarfien ikbar tat-tradizzjoni permezz ta' festivals lokali'

Il-Festival ta’ Nar Tradizzjonali Malti ser jittella’ nhar is-Sibt 2 ta’ April fil-by-pass tas-Siġġiew

“Dan il-gvern huwa kommess li jżid l-għarfien tal-kultura tagħna u t-tradizzjonijiet lokali permezz ta’ turiżmu bbażżat fuq festivals lokali.” Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo waqt it-tnedija tal-Festival Nar Tradizzjonali Malti li qed jiġi organizzat mir-Reġjun Nofsinhar.

Is-Segretarju Parlamentari Buontempo spjega kif il-kunsilli lokali u r-reġjuni għandhom id-dover li jippromwovu l-ħiliet u d-drawwiet tat-territorji tagħhom u spjega li fil-futur qrib, ser jitlob lill-kunsilli lokali sabiex iħejju inventarju ta’ siti storiċi, binjiet, siti naturali u drawwiet u tradizzjonijiet ta’ kull lokalità sabiex tissaħħaħ il-promozzjoni ta’ dak kollu li joffru l-lokalitajiet Maltin u Għawdxin. “Dan qed nagħmluh sabiex ninkoraġġixxu aktar turisti jersqu lejn il-lokalitajiet tagħna biex jesperjenzaw verament dak kollu li hu Malti u li hu marbut ma’ kull lokalità, bil-għan li nsaħħu aktar it-turiżmu domestiku, jiġifieri li Maltin u Għawdxin iżuru lokalitajiet f’pajjiżna li mhumiex familjari magħhom,” sostna Buontempo.

Buontempo faħħar lir-reġjun li ġab flimkien 19-il kamra tan-nar mill-lokalitajiet li jifformaw ir-reġjun f’dan il-festival ta’ piroteknika. Fakkar kif il-lokalitajiet li jiffurmaw ir-Reġjun Nofsinhar huma magħrufa għall-piroteknika, li hija fattur ewlieni fiċ-ċelebrazzjonijet esterni tal-festi li jagħti valur miżjud lill-festa Maltija. Buontempo faħħar lir-reġjun talli qed itella’ festival li jiċċelebra dan il-fatt, filwaqt li sellem lil kull min jaħdem in-nar u fakkar li l-fatt li x-xogħol tagħhom, minkejja li jingħata fuq bażi volontarja, ilaħħaq livell professjonali għoli ferm li jħabbatha ma’ kmamar tan-nar barranin.

Il-Festival ta’ Nar Tradizzjonali Malti ser jittella’ nhar is-Sibt 2 ta’ April fil-by-pass tas-Siġġiewi.

More in Socjali