"Qed jittrattawna bħal skjavi"

Il-ħabsin li jagħmlu xogħlijiet fil-purtieri baqħu ma tħallsux

Għadhom iridu jitħallsu eluf ta' ewro għal xogħlijiet ta' ħjata u disinn ta' purtieri u kostumi li l-ħabsin qed jagħmlu waqt iż-żmien tagħhom f'Kordin. Dan il-proġett kien ġie mniedi sabiex jgħin lill-ħabsin u l-interior designer, Mary Grace Pisani kienet għallmet il-ħabsin kif iħitu u qabbdithom jagħmlu diversi xogħlijiet, fosthom 'il fuq minn 400 kostum għaċ-CHOGM ta' Novembru li għadda.

Il-gazzetta Times of Malta rrappurtat kif 14-il ħabsija għandhom jieħdu madwar €16,000 bejniethom ta' xogħlijiet li għamlu. Ħabsija li tkellmet mal-gazzetta qalet li kienu qed jitħallsu bit-€3 għal kull-metru ta' xogħol li jagħmlu, anke jekk kienu qed jgħoddu l-wisa' u mhux it-tul kif normalment jiġri f'dan il-qasam.

Parti minn dawn il-flus kellhom jintefgħu f'kont separat sabiex dawn il-ħabsin ikunu jistgħu jeħduhom ġaladarba joħorġu mill-ħabs. Minkejja dan, ħabsija partikolari qalet li s'issa laħqu ħarġu żewġ nisa u t-tnejn li huma baqgħu ma ħadu xejn.

Meta l-gazzetta tkellmet ma' Pisani dwar dan, hi qalet li kienet għadha qed tistenna l-ħlasiijiet mingħand il-klijenti, u kollox mistenni li jiġi riżolt matul din il-ġimgħa.

More in Socjali