44% jaqblu mal-bidla fid-diska ta’ Ira...49% ma jaqblux

Ira Losco f'nofs kontroversja, b'diska li tista' trebbaħna

ritratt: Kris Micallef
ritratt: Kris Micallef

Il-maġġoranza tal-qarrejja tas-sit illum.com.mt li pparteċipaw fl-istħarriġ online tal-ġimgħa l-oħra ma jaqblux mal-bidla fid-diska li se tkun qed tirrapreżenta lil Malta fil-Eurovision li jmiss fl-Iżvezja. Fil-fatt minn dawk li ħadu sehem, 48.6% ma jaqblux, filwaqt li 44% iħossu li din il-bidla kienet waħda pożittiva.

Minn dawk li jħossu li l-bidla fid-diska, minn ‘Chameleon’ għal ‘Walk on Water’ kienet pożittiva, il-maġġoranza jħossu li d-diska l-ġdida hija aħjar. Fil-fatt, 26.2% ta’ dawk li ħadu sehem f’dan l-istħarriġ huma ta’ din il-fehma. Xi ħaġa li jidher li kienet riflessa wkoll fuq il-mezzi soċjali fejn id-diska l-ġdida ta’ Ira Losco kienet milqugħa b’mod pożittiv ħafna. L-ILLUM tal-Ħadd li għadda kienet ippublikat artiklu li fih irraportat li fuq is-sit Youtube, il-kanzunetta ta’ Losco kienet diġà laħqet 251,000 ‘view’. Minn dakinhar sal-bieraħ, f’temp ta’ ġimgħa, żdiedu b’357,184 biex il-video tal-kanzunetta issa jlaħħaq is-608,184 ‘view’. Intant kienu biss 17.3% tal-qarrejja li qablu ma’ din il-bidla minħabba li r-regoli jagħmluha possibbli. Kien il-Kap Eżekuttiv tal-PBS Anton Attard li uża dan l-argument meta kien qed jipparteċipa fil-programm Xarabank, li tratta dan is-suġġett.

Intant 35.4% ta’ dawk li pparteċipaw fl-istħarriġ tas-sit qalu li ma jaqblux ma’ din il-bidla għaliex il-vot tan-nies kien għall-ewwel diska u mhux għal dik li ntagħżlet wara. Min-naħa l-oħra, 13% wieġbu li ma jaqblux ma’ din il-bidla għax din kienet miftiehma minn qabel ma sar l-istess Malta Eurovision Song Contest. Dan kien argument li qam minn xi persuni li qalu li r-riżultat kien magħruf minn qabel ma fil-fatt tħabbar. Fost dawk li rraġunaw b’dan il-mod kien hemm il-preżentatur u personalità tat-televiżjoni u radju John Bundy, li f’intervista mal-ILLUM tal-Ħadd 21 ta’ Frar kien qal li “l-festival seta’ ma sar xejn.” Bundy kien stqarr ma’ din il-gazzetta li l-festival kien qisu tiġrija fejn 13-il kontestant niżlu bir-roti u waħda niżlet bil-mutur. Huwa qal ukoll li “Ira Losco ma kellha qatt tidħol f’kontroversja, Ira Losco ġiet mdaħħla f’kontroversja...Ira Losco tikkompeti ma’ Miley Cyrus mhux f’kompetizzjoni lokali.”

Kienu biss ftit aktar minn 7% tal-qarrejja tal-illum.com.mt li qalu li ma jsegwux il-Eurovision. 

More in Socjali