70 siġra oħra jitħawlu fil-Magħtab

Meta attenda għat-tħawwil ta’ sebgħin siġra fil-kumpless ambjentali tal-Magħtab mill-Vassallo Group fl-għeluq il-sebgħin sena mit-twaqqif tagħhom, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat qal li sebgħin sena ta’ ħajja ta’ kumpanija huma ferm sinifikanti meta qed ngħixu f’dinja kollha taqlib u inċertezzi.

Huwa awgura lill-kumpanija kull suċċess għall-ġejjieni u qal li dan il-ġest simboliku jkompli jsaħħaħ il-messaġġ li għandu jidħol f’moħħ kulħadd, li l-ekonomija u l-ambjent għandhom jaħdmu id f’id flimkien għall-ġid komuni u għall-benefiċċju taż-żewġ setturi nnifishom.

Il-Ministru Brincat qal li qatt daqs f’dawn l-aħħar sentejn ma kien hemm kumpaniji privati ta’ kull daqs li fakkru l-anniversarji tagħhom b’ċerimonji simboliċi ta’ tħawwil ta’ siġar.

Huwa ħeġġeġ lil kumpaniji oħra biex ikomplu jagħmlu dan ħalli jkompli jintbagħat dan is-sinjal pożittiv.

More in Socjali