L-akbar proġett ta’ housing soċjali f’16-il sit madwar Malta

Ix-xogħol se jibda aktar tard din s-sena

 

Ix-xogħol fuq dak li l-Gvern qed jiddeskrivi bħala l-akbar proġett fis-settur tal-housing soċjali se jkun qed jibda din is-sena u se jkun mifrux b’kollox fuq 16-il sit differenti madwar il-pajjiż. Dan il-proġett tħabbar għall-ewwel darba fl-aħħar baġit li ressaq dan il-Gvern.

L-ILLUM hija nfurmata li dawn is-16-il sit ta’ housing b’kera ssusidjata għall-familji u individwi li ma jaffordjawx jixtru proprjetà bi prezzijiet kummerċjali, se jinkludi proprjetajiet madwar il-pajjiż kollu. Dawn is-siti se jinkludu blokok individwali fiċ-ċentri ta’ lokalitajiet differenti kif ukoll kumplessi sħaħ ta’ madwar 50 appartament, simili għal dawk magħrufin bħala ‘housing estates’.

Dan il-proġett, li se jkun ippilotat mill-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, se jiswa b’kollox €50 miljun.

Bħalissa l-Gvern jinsab fil-proċess li jemenda proġetti li taħt Gvern preċedenti baqgħu fuq il-karta, anke jekk kellhom il-permessi tal-MEPA. L-ILLUM hija infurmata li dawn il-bidliet għandhom l-għan li jirriflettu aħjar il-bżonnijiet u d-domanda li hemm bħalissa mill-applikanti għal housing soċjali, li fil-maġġoranza tagħhom, qed japplikaw għal postijiet b’żewġ kmamar tas-sodda.

Kelliem għall-Ministeru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali staqsa għalfejn, ladarba kien hemm il-permessi lesti, Gvern preċedenti baqa’ ma bediex ix-xogħol fuq dawn il-proġetti biex b’hekk tkun imnaqqsa l-lista ta’ stennija. Huwa stqarr li minkejja kollox, illum din il-lista li bħalissa tlaħħaq it-3,000, mhux differenti minn dik li kien hemm lura f’Marzu 2013 meta nbidel il-Gvern.   

L-ILLUM hija nfurmata li l-bini se jkun ċertifikat bħala wieħed kompletament aċċessibbli, għalkemm fl-emendi mressqin quddiem il-MEPA, il-Gvern qed jipproponi li l-appartamenti kollha b’kamra tas-sodda waħda jkunu fuq il-livell tat-triq. Dan, spjega l-kelliem mill-istess Ministeru, qed isir bil-għan li l-applikanti anzjani jgħixu f’dan il-livell u f’każ ta’ ħsarat fil-lift ma jkollhomx problemi.

Dan il-proġett ta’ €50 miljun se jkun qed isir kompletament mill-Gvern f’termini ta’ infrastruttura, bix-xogħol mistenni jibda iktar tard din is-sena u jkollu żmien stipulat u ċar ta’ meta se jkun qed jispiċċa.

Il-kelliem għamilha ċara li l-proprjetà li se tkun parti minn dan il-proġett soċjali se tkun f’lokazzjoni ċentrali imma mhux fi ‘prime sites’, kif wara kollox inbnew il-maġġor parti tal-binjiet tal-Gvern.

 

 

More in Socjali