President: 'M'hemmx lok għall-preġudizzji u t-timbri'

Jittella d-dramm 'Xhieda' mir-residenti tal-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin

Parti mid-dramm 'Xhieda'
Parti mid-dramm 'Xhieda'

Xhieda huwa dramm mtella’ mir-residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, miktub fl-isfond tal-ġrajja tal-Passjoni u b’riflessjonijiet fuq sitwazzjonijiet kurrenti. Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, flimkien mas-Sur Edgar Preca u l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela, attendew għall-ewwel wirja.  Fl-indirizz tagħha, il-President aċċennat kif il-preġudizzji u t-timbri la qatt kien u żgur m’għadux lokhom.

Il-Ministru Abela qal li mhux biżżejjed li l-Faċilità taħdem fuq pjani ta’ riforma fl-imġieba jekk wara li jiskontaw is-sentenza tagħhom ir-residenti tal-Faċilità ma jiġux aċċettati lura mis-soċjetà. Semma’ li, għaldaqstant, il-Faċilità se tibqa’ taħdem fuq miżuri li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni tar-residenti mill-Faċilità għal ġewwa s-soċjetà. Waqt ir-rakkont ta’ dan id-dramm, messaġġi li spikkaw kienu dawk li jduru mat-temi tal-għażliet ħżiena, it-tradiment, il-ħtija, l-istigma u l-maħfra. 

“L-ispirtu jrid imma l-ġisem dgħajjef” kienet waħda mill-frażijiet li ngħatat aċċenn, b’rakkonti li jissimbolizzaw attentati ta’ disprament waqt il-ġlieda interna għall-bidla fl-attitudni. Ingħatat ukoll attenzjoni partikolari lit-tbatija li l-ġenituri u l-qraba tar-residenti jgħaddu minnha matul il-proċess.

 

L-appell mir-residenti kien wieħed biex il-persuni jkunu xhieda tal-imħabba lejn xulxin flok tal-kundanna għall-oħrajn.

 

F'dan id-dramm qed jieħdu sehem madwar 35 resident; id-dramm kien organizzat mill-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl taħt it-tmexxija tad-Direttur George Busuttil.

 

Il-preżentazzjonijiet tiegħu għall-pubbliku ser ikunu bejn id-19 u s-26 ta’ Marzu.

More in Socjali