'Jeħtieġ liġi tal-mezzi tax-xandir biex tirrenja l-etika fil-ġurnaliżmu'

Jitnieda kors ġdid ta' diploma fil-ġurnaliżmu fl-MCAST

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo dalgħodu nieda kors ġdid fil-ġurnaliżmu fl-MCAST fejn sostna li dan huwa biss l-ewwel pass. Sostna li huwa dejjem diffiċli biex jinħolqu inizjattivi bħal dawn, waqt li qal li l-kors fl-Università kien jagħti idea ġenerali tal-isfond tal-ġurnaliżmu aktar milli l-aspetti prattiċi ta' dan il-qasam. Il-Ministru żied jgħid ukoll li l-ġurnaliżmu huwa qasam essenzjali sabiex pajjiż ikollu demokrazija b'saħħitha.

Il-President Emeritu ugo Mifsud Bonnici, li kien qed jitkellem f'isem il-fondazzjoni qal li dan il-kors ilu fil-proċess għal dawn l-aħħar sitt snin. Qal ukoll li huwa essenzjali li tinħoloq liġi tal-mezzi tax-xandir bil-għan li jkun hemm rispett għad-drittijiet u tirrenja l-etika fil-ġurnaliżmu. "Dan il-kors huwa l-ewwel pass lejn ir-regolarizazzjoni ta' dan is-settur," kompla jgħid Mifsud Bonnici.

Dan il-kors qed jiġi żviluppat mill-MCAST flimkien mal-fondazzjoni għall-edukazzjoni fil-ġurnaliżmu Tumas Fenech. PBS u Media Centre diġà offrew internships u ħinijiet ta' prattika bħala opportunitajiet lill-istudenti ta' dan il-kors. L-istudenti jistgħu japplikaw għal dan il-kors jekk ikollhom żewġ suġġetti fil-livell Avvanzat u tnejn fil-livell Intermedju, li fosthom irid ikun hemm l-Ingliż u l-Malti.

More in Socjali