Caruso Każin Bistro

Fejn se nieklu ILLUM?

Dan ir-ristorant, li jinsab fi Triq il-Kappella San Gwann, huwa magħmul bħal każin tradizzjonali Malti bid-differenza li fuq naħa minnhom għandek ristorant b’xeħta kemmxejn lussuża filwaqt li fuq in-naħa l-oħra għandek xeħta aktar ta’ każin inkluż il-mejda tal-biljards. 

Is-servizz kien eċċellenti u l-ikel wasal f’20 minuta. Minn għażla sabiħa ta’ ikel iddeċidejt nieħu Scaloppine al romana, biċċtejn laħam tal-majjal maqtugħin irqaq u msajjrin fl-inbid. Magħhom ħadt il-brokkoli u l-pastard minflok l-insalata. L-ikel ġie ukoll b’akkumpanjament ta’ patata moqlija. Il-majjal kien tari u msajjar perfettament, il-ħxejjex imsajjrin naqra żżejjed b’mod li lanqas tista’ tiġborhom bil-furketta mingħajr ma jitfarrku. Personalment nippreferi l-ħxejjex imsajjrin daqsxejn anqas li jibqgħu jqarmċu f’ħalqek waqt li qed tiekolhom. Napprezza li din hija probabbilment preferenza personali u darb’oħra nagħmel żgur li navżahom b’din il-preferenza tiegħi. Għal €8, nirrakkommandah lil kulħadd. Għandhom ikel ieħor Mediterranju, Taljan u Malti u s-speċjalitajiet tal-jum. Il-pasta kienet tidher  tajba wkoll. Jien mort is-Sibt u ma tantx kien hemm nies. Ħasra għax post kbir mhux ħażin u għandu spazju għal gruppi kbar ta’ nies. Ċertament nirrakkomandah għal min għandu xi okkażżjoni tal-familja. 

Għal darba ma ħadtx kafe u għalhekk ma nistax naħlef għall-kafe tagħhom imma għandhom magna tal-kafe tajba. Għanhom ukoll għażla sabiħa ta’ nbid u xorb alkoħoliku... wara kollox ma jkunx każin mingħajr ix-xorb.

Tmurx hemm nhar ta’ Tnejn għax it-Tnejn ma jiftħux. Matul il-ġimgħa jiftħu bejn is-7am u t-3pm u mbagħad jerġgħu jiftħu mis-6.30pm sat-tard. Il-Ħadd jiftħu għall-ikla ta’ nofsinhar biss.

More in Socjali