Il-korruzzjoni l-aktar kwistjoni li qed tinkwieta lill-poplu

34.8% qalu li kollox sejjer tajjeb u m'hemm xejn jinkwetahom

37% tal-Maltin, huma preokkupati bil-kwistjoni tal-korruzzjoni. Dan ħareġ minn stħarriġ li għamel il-programm 'Xarabank' ilbieraħ fejn wera li din kienet l-iktar kwistjoni li qiegħda fuq moħħ il-poplu Malti.

Dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ ġew mistoqsija liema hi l-iktar kwistjoni importanti li qed tiġi diskussa fil-pajjiż bħalissa. 37% wieġbu li din kienet il-kwistjoni tal-korruzzjoni, u dan mingħajr ma kienu mogħtija tweġibiet biex jagħżlu minnhom.

It-tieni l-iktar risposta popolari fost dawk li wieġbu kienet ta' 34.8% fejn dawk li wieġbu, qalu li ma kien hemm xejn partikolari li qed jinkwetahom.

Wara dawn, issemmew kwistjonijiet bħat-traffiku, l-ambjent, is-sigurtá u l-ġlied bejn iż-żewġ partiti u l-immigrazzjoni, iżda dawn kienu persentaġġ żgħir, meta mqabbel mal-maġġoranza tal-opinjonijiet mogħtija.

Minbarra dan, fl-istħarriġ ġew mistoqsija fuq kif jaħsbu li sejjer il-Gvern fl-ewwel tliet snin tiegħu, fejn 30% qalu li tajjeb, u 28.5% qalu li la sejjer tajjeb u lanqas ħażin. Kienu 13.8% n-nies li qalu li dan il-Gvern sejjer tajjeb ħafna.

More in Socjali