In-nisa li biddlu l-istorja u li biddlu d-dinja

F'Jum il-Mara, inħarsu lejn dawk li matul is-snin għenu  biex biddlu d-dinja

Kemm jekk fil-qasam tax-xjenza, letteratura, moda, politika, jew drittijiet, in-nisa dejjem urew x’saħħa u influwenza kellhom u kemm kienu kapaċi jibdlu d-dinja ta’ madwarhom. Sa minn żmien Kleopatra, sa Coco Chanel u Madre Teresa in-nisa kienu pijunierei fil-ħsieb u fil-bidla, anke jekk għal xi żmien oppressati u mċaħħda minn drittijiethom, kienu huma stess li qamu fuq saqajhom u ġġieldu biex dak li hu tagħhom, bħall-vot, jingħatalhom. Għalhekk, sabiex jitfakkar Jum il-Mara iktar tard dan ix-xahar, ILLUM għażlet 8 nisa li għalkemm minn oqsma u żminijiet differenti, wrew li kellhom xi ħaġa komuni, li kienu kapaċi jbiddlu l-affarijiet u jħallu impatt, mhux biss fuq is-soċjetá kontemporanja tagħhom imma anke fiż-żminijiet ta’ wara.

Joan of Arc

Il-ġellieda Franċiża Joan of Arc, li għexet fis-seklu 15, tibqa’ magħrufa l-iktar għall-qlubija tagħha meta kienet tilbes ta’ raġel u tmur tiġġieled. Kienet wissiet lir-re ta’ dak iż-żmien biex jieħu kontroll hu jiġġieled lill-Ingliżi. Kienet iġġieldet sakemm darba nqabdet u nbiegħet lill-Ingliżi li ħarquha għax qalu li kienet saħħara. Joan of Arc kellha tiġi maħruqa tliet darbiet għaliex intqal li fl-ewwel żewġ okkażjonijiet, kienet baqgħet ħajja u kienet biss belgħet ħafna dħaħen.

Joan of Arc twieldet f’familja fqira u sa minn etá żgħia, jintqal li kien ikollha dehriet minn Alla jgħidilha biex tieħu ħsieb il-poplu Franċiż u tbiegħdu mill-għadu.

Saret qaddisa fl-1920 u hi waħda mill-qaddisin protetturi ta’ Franza.

Coco Chanel

Pijuniera tal-moda u d-disinn, Coco Chanel għenet biex tinbidel l-idea tal-ilbies tan-nisa dak iż-żmien. L-idea kienet li l-ilbies tan-nisa għandu jkun skomdu u imprattiku, l-aqwa li jkun jogħġob lill-irġiel. Fil-fatt, Gabrielle Bonheur Chanel, li huwa l-isem propju tagħha, irnexxielha tbiddel il-mentalitá fuq diversi ħwejjeġ fosthom il-kurpett u d-dbielet kbar. Kienet hi ukoll, li kontra kull idea, introduċiet il-qliezet u s-‘suits’ għan-nisa meta ddisinjat varjetá ta’ ħwejjeġ eleganti imma komdi fl-istess ħin. Dan il-kambjament li ġabet Chanel wasal fi żmien importanti għan-nisa madwar id-dinja meta xi nisa bdew jingħataw il-vot, u bdew jiżdiedu n-nisa fid-dinja tax-xogħol. Chanel kienet Franċiża, u kienet l-unika disinjatriċi li daħlet fil-lista tal-magażin TIME tal-aktar 100 persuna influwenti tas-seklu 20.

Marie Curie

Ix-xjentista Marie Curie tibqa’ magħrufa għar-riċerka importanti tagħha fil-qasam tal-radjoattivitá, u għaliex għolliet isem in-nisa f’qasam bħax-xjenza. Marie Curie kienet Pollakka u sa mill-bidu wriet eċċellat fl-istudji tagħha u ħadmet biex tkun tista’ tgħallem nisa Pollakki oħra li kienu bi ftit jew xejn edukazzjoni. Kienet bdiet tinteressa ruħha fl-oqsma tal-Kimika u l-Bioloġija, peró l-opportunitajiet fil-Polonja kienu limitati. Għaldaqstant, marret Pariġi u kompliet bl-istudji tagħha fil-Fiżika u l-Matematika fejn kompliet teċċella. Hemmhekk, iltaqgħet ma’ Pierre, li iktar tard sar żewġha. Flimkien miegħu, Curie skopriet diversi elementi radjoattivi, li wasslu għal x-rays u radjoterapija. Ta’ 38, Curie spiċċat armla b’żewġt itfal, peró baqgħet għaddejja bil-ħidma tagħha. Irnexxielha tirbaħ żewġ premijiet Nobel għall-ħidma tagħha, imma dan is-suċċess ġab miegħu kritika u suspett minn dinja xjentifika li kienet iddominata mill-irġiel. Mietet fl-1934 minn kanċer, li kien wasal minħabba li kienet esposta għal ħafna radjazzjoni.

Rosa Parks 

Isem li forsi mhux magħruf daqt attivisti oħrajn bħal Martin Luther King Jr. jew Nelson Mandela, iżda ċertament kienet pijuniera fid-drittijiet ċivili, tant li hi meqjusa bħala ‘omm id-drittijiet ċivili moderni’. Tibqa’ l-iktar famuża għall-episodju importanti meta bħala mara sewda, irrifjutat li fuq xarabank, iċċedi postha lil raġel abjad. Hi kienet ħallset il-biljett u poġġiet fl-ewwel filliera tal-parti ta’ wara tal-karozza, li kienet il-parti fejn setgħu jpoġġu l-persuni suwed, u wara li l-parti tal-bojod imtliet, ix-xufier qalilha biex tqum u tagħti postha lill-bojod. Minħabba f’hekk, ġiet arrestata u ttellgħet il-Qorti. Każ li instiga protesti kbar kontra d-diskriminazzjoni razzjali fl-Amerika, li kienu mmexxijja minn ħadd ħlief Martin Luther King Jr. Wara dawn il-protesti, Rosa Parks saret ikona u kelliema għad-drittijiet ċivili fl-Amerika. Mietet ta’ 92 sena, fl-2005.

Anne Frank

Din it-tifla ta’ 14-il sena, setgħet faċilment saret numru ieħor fl-istatistiċi tal-vittmi tal-Olokawst, li kieku ma kienx għad-djarju tagħha li ġie ppubblikat minn missierha wara mewtha. Anne Frank kienet iddokumentat il-ħajja tagħha u tal-familja Lhudija li għexet iż-żmien tat-Tieni Gwerra Dinjija fil-moħbi tal-Ġermaniżi. Fid-djarju tagħha, hi tirrakonta d-diffikultajiet li affaċjat il-familja, u kif kienet il-ħajja dak iż-żmien. Il-familja kollha tagħha, għajr għal missierha, mietu f’kampijiet ta’ konċentrament differenti, ftit qabel ma nħelsu l-priġunieri. Id-djarju ta’ Anne Frank li huwa meqjus bħala wieħed mill-iktar ‘bestsellers’, spiss jintuża bħala simbolu ta’ kif persuni innoċenti jispiċċaw ibatu l-intolleranza u l-persekuzzjoni.

Malala Yousafzai

Għalkemm għad għandha 18-il sena, Malala diġà hija sinonima ma’ kampanji favur id-drittijiet tal-bniet u nisa u l-aċċessibbiltà tagħhom għall-edukazzjoni. Minħabba l-kampanji tagħha dwar dan, hi kienet fil-mira ta’ militanti tat-Taliban fil-Pakistan, fejn daħlu fl-iskola grupp ta’ nies armati  staqsew għaliha, inkella kienu jisparaw lil kulħadd, u sparawlha tir mill-viċin. Fortunatament, irnexxielha ssalva minn dan l-attakk u xejn ma xejjen il-ħidma tagħha biex titkellem favur id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt għall-edukazzjoni. Malala, li twieldet fil-Pakista hi bint poeta li għandu numru ta’ skejjel pubbliċi, u fil-fatt hu stess huwa persuna li jitkellem favur l-edukazzjoni għal kulħadd. Malala diġà rebħet bosta unuri għall-ħidma tagħha, fosthom il-premju Nobel għall-paċi fl-2014.

Benazir Bhutto

Benazir Bhutto tibqa’ magħrufa bħala l-ewwel mara eletta biex tmexxi pajjiż Musulman, fil-fatt kienet il-Prim Ministru tal-Pakistan għal ħames snin. Minkejja dan, it-triq għat-tmexxija tal-pajjiż ma kinetx waħda faċli għaliex minħabba li l-familja tagħha kienet kontra t-tmexxijja tal-pajjiż f’dak iż-żmien, għaddew minn perjodu ta’ ‘house arrest’ u iktar tard, hi ġiet mitfugħa f’iżolament fid-deżert. Dan xorta waħda ma żammx lil Benazir milli tifforma partit u toħroġ għall-elezzjoni, u fil-fatt telgħet u saret Prim Ministru. Iżda, 20 xahar wara, tneħħiet mill-kariga għaliex ġie allegat li kien hemm xi korruzzjoni. Fl-1993 reġgħet ġiet eletta imma tneħħiet iktar tard fuq allegazzjonijiet simili. Minħabba f’hekk, telqet għal xi żmien mill-pajjiż, iżda meta rritornat biex tgħin fil-kampanja elettorali tal-2008, ġiet maqtula. Wara mewtha, hi ġiet nominatat bħala waħda mir-rebbieħa tal-Premju għad-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti.

Madre Teresa

Is-soru ċkejkna kellha ħolm kbir, u riedet tbiddel id-dinja billi tgħin persuna, persuna. Madre Teresa dejjem insistiet li riedet tgħin lill-ifqar fost il-fqar, u dan għamlitu billi ta’ 18-il sena ingħaqdet mas-sorijiet ta’ Loreto fl-Irlanda, u minn hemm telqet lejn Kalkutta fl-Indja, fejn kompliet tqatta’ ħajjitha. Fl-Indja kienet saret għalliema u anke saret il-prinċipal ta’ skola tal-bniet. F’Kalkutta waqqfet is-Sorijiet Missjunarji tal-Karitá, li bdew jilbsu l-ilbies li hi tant baqgħet magħrufa għalih: il-libsa bajda bil-velu b’burdura blu. L-għan tagħha kien li tgħin u tieħu ħsieb lil dawk fil-bżonn, u dawk li ma kellhom lil ħadd min jieħu ħsiebhom. Madre Teresa ingħatat il-Premju Nobel għall-Paċi fl-1979 għall-ħidma tagħhha mal-foqra, fejn ma kinetx attendiet imma talbet li l-flus jingħataw lillfoqra. Hi mietet fl-1997 u tisab fil-proċess biex issir qaddisa.

More in Socjali