Oħt Agatha Barbara ilha 26 sena tistenna ġustizzja…tgħid li l-politika f'Malta mnittna

Ingħatat ir-raġun minn Eddie Fenech Adami 16-il sena ilu u baqgħet bir-raġun

Joan Barbara, oħt Agatha Barbara
Joan Barbara, oħt Agatha Barbara

Normalment meta wieħed isemmi l-inġustizzji fix-xogħol, iwaħħal fil-politika partiġġjana li wieħed issirlu inġustizzja minn Gvern Nazzjonalista għax ikun Laburist, jew minn Gvern Laburista għax ikun Nazzjonalist. Fil-każ ta’ Joan Barbara, oħt l-eks-President Agatha Barbara, sofriet inġustizzja taħt Gvern Laburista, kompliet issofriha taħt Gvern Nazzjonalista u għadha ssofriha sal-lum.

Ilha tistenna li ssir ġustizzja magħha 26 sena sħaħ minn meta rtirat fl-1990. Joan Barbara li llum tgħodd il-85 sena kienet temmet il-karriera tagħha taħdem bħala Administrative Officer mal-Gvern iżda ħarġet b’pensjoni ta’ Executive Officer, li huwa grad inqas. Hi talbet biex issir ġustizzja magħha biex ikollha żieda fil-pensjoni, iżda taħt tliet ministri Laburisti, il-files tagħha qatt taw kashom. Meta telgħu n-Nazzjonalisti rċeviet ittra iffirmata minn żewġ avukati Peter Borg Costanzi u Gerald Bonello b’risposta negattiva.

Kien l-10 ta’ Novembru 1998 meta kitbet ittra lil Eddie Fenech Adami li dakinhar kien Prim Ministru. Xahrejn biss wara, Fenech Adami, permezz ta’ ittra ffirmata minn J.R. Grima li kien is-segretarju permanenti tal-OPM li weġibha hekk:

“Filwaqt li nitolbok skuża talli domt ma weġibtek fuq din it-talba tiegħek, nista’ nassigurak li sa Diċembru 1997 kont diáa tlabt li l-każ tiegħek jiġi investigat sew. Wara investigazzjoni twila, issa ttieħdet deċiżjoni u l-Prim Ministru approva fuq bażi personali li int għandek titħallas il-massimu ta’ Administrative Assistant sal-ġurnata lejliet l-irtirar tiegħek biex il-pensjoni tiegħek tiġi aġġustata skont il-każ.”

Iżda Joan baqgħet tirċievi l-istess pensjoni. Sentejn ilu, eżatt fl-20 ta’ Frar 2014 reġgħet kitbet lis-segretarju Permanenti tal-affarijiet Barranin, li taħtu jaqa’ l-impjieg li kellha, biex terġa’ titlob li ssir ġustizzja magħha. Bagħtu għaliha tliet persuni biex jintervistawha, semgħu l-istorja tagħha kollha u sal-lum, jiġifieri sentejn wara, baqgħet bla risposta u bl-istess pensjoni.

Dan ifisser li issa ilha 26 sena sħaħ b’pensjoni inqas milli suppost għandha, u dan meta għandha bil-miktub li l-eks-Prim ministru Eddie Fenech Adami ddeċieda favur tagħha.

Din il-gazzetta tkellmet ma’ Joan, fejn staqsejniha kif ma ġietx mgħejuna meta oħtha kienet Ministru tal-Labour u iktar tard, President. “Oħti dejjem ħallietni nfendi għal rasi għax kienet tgħidli li jekk iddaħħalni magħha, ‘Kienu jgħidu bina n-nies.’”

Joan qattgħet 17-il sena taħdem fl-ambaxxata Maltija f’Londra, fil-Malta House, u qaltilna li l-ewwel transfer tagħha ħaditu meta tela l-Partit Laburista, “Kien sar kummissarju ċertu wieħed Arthur Scerri, u jien kont anke naħdem xogħol volontarju u kont anke fil-kunsill lokali l-Ingilterra, u beda jitrattani ħażin u jumiljani u tlabt għal transfer lejn Malta bħala Clerical Officer, iżda meta ġejt Malta, ġejt ‘demoted’ għal clerk typist.”

Joan spjegat li sofriet inġustizzji taħt kull gvern, “taħt gvern Nazzjonalista kont intbgħatt naħdem f’kamra b’riħa tinten ta’ ħut f’Raħal Ġdid.”

Barbara qaltilna li meta ġiet Malta, iltaqgħet “mal-politika mnittna ta’ dan il-pajjiż. Naħseb li qed jistennewni mmut ħalli ma nieħu xejn! Peró nwegħedhom li minn hemm fuq, nibda nitfagħlhom is-silġ talli ma jkunux tawni l-ġustizzja li ħaqqni, anke jekk ġejt imwiegħda minn eks-Prim Ministru.”

Joan Barbara għamlet kuntatt ma’ din il-gazzetta wara li l-ILLUM tal-ġimgħa li għaddiet, ħarġet l-istorja ta’ diversi persuni li applikaw biex issir ġustizzja magħhom fil-grievances unit u baqgħu b’xiber imnieħer.

 

More in Socjali