Ftehim ta' kummerċ bejn it-Tuneżija u l-UE huwa fundamentali - Alfred Sant

Biex tgħin, l-UE se żżid il-kwota mingħajr tariffi taż-żejt taż-żebbuġa

Il-Kap tad-delegazzjoni Maltija Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant qal li ftehim ta’ kummerċ bejn l-UE u t-Tuneżija huwa fundamentali għax bil-ħolqien ta’ istituzzjonijiet konverġenti fit-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-Mediterran, it-Tuneżija tokkupa rwol prinċipali. Sant, li kien qed jirreaġixxi fil-Parlament Ewropew għall-proposta ta’ ftehim ta’ kummerċ bejn it-Tuneżija u l-UE, saħaq li jkun hemm qbil dwar dan il-ftehim, li hu ta’ benefiċċju għaż-żewġ naħat. Il-konverġenza tal-istituzzjonijiet huwa proċess interattiv li jieħu ż-żmien. 

“Madanakollu dawk kollha involuti f’dan l-arranġament, istituzzjonalment u ekonomikament mhux qed joperaw fuq l-istess livell. Fil-qasam tal-agrikoltura, kull tip ta’ konċessjoni li tingħata lit-Tuneżija, żgħira kemm tidher żgħira fis-Sud tal-Mediterran, tidher li qed ixxekkel l-għixien tal-bdiewa tan-Nord.

 “It-twemmin li l-konverġenza tinħoloq permezz ta’ rikonċiljazzjoni mal-Ewropa hija illużjoni. L-arranġamenti li bihom nippruvaw nidħlu fid-dettalji tas-sistemi ta’ tassazzjoni li l-awtoritajiet Tuneżini għandhom jużaw, jistgħu jnaqqsu mill-flessibilita` tat-Tuneżija li tattira investimenti diretti. L-istituzzjonijiet tan-Nord u tas-Sud tal-Mediterran, s’issa għadhom mhux konverġenti u mhux kompatibbli. Din mhix kwistjoni ta’ liema istituzzjoni hi l-aħjar – hux tas-Sud jew tan-Nord. Din hija kwistjoni li tgħid l-affarijiet kif inhuma.” qal Sant.

It-turiżmu fit-Tuneżija ħa daqqa ta’ ħarta wara l-attakk terroristiku tat-18 ta’ Marzu 2015 f’Tunis u dak tas-26 ta’ Ġunju 2015 f’Sousse. Dan laqat ħafna l-ekonomija Tuneżina li diġa` kienet f’diffikultá. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ħabbar li ried jieħu miżuri eċċezzjonali u temporanji biex jappoġġja l-ekonomija Tuneżina. Il-Kummisjoni Ewropea ħarġet bil-proposta li bħala miżura ta’ emerġenza, żżid il-kwota, mingħajr tariffi, taż-żejt taż-żebbuġa Tuneżin għal 35,000 tunnellata fuq perijodu ta’ sentejn. Iż-żejt taż-żebbuġa huwa prodott ewlieni fost l-esportazzjoni agrarja tat-Tuneżija. 1/5  tal-ammont totali ta’ nies li jaħdmu fl-agrikoltura jiddependu mill-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa.

More in Socjali