Ciappetti – Mdina

minn Bżar u Melħ

Fil-wesgħa ta’ Sant’ Agata, l-Imdina, tefa’ ta’ ġebla mis-sur fejn hemm l-isbaħ veduti minn din l-eqdem kapitali ta’ Malta, insibu dan ir-restorant gustuż li joffri varjetá ta’ ikel tipikament Malti u msajjar fit-tradizzjoni Maltija. 

Jien ħadt linguini bil-qarnit u capuccino. Li laqatni kien li l-qarnit kien imsajjar eżatt kif kienet tagħmlu ommi, inkluż dak in-naqra kappar fih, u waqt li kont qed nieklu kelli memorji sbieħ ta’ meta kont għadni żgħir u l-ġenituri kienu għadhom ħajjin, ilkoll nieklu madwar il-mejda. Għax l-ikel mhux biss jimlik meta għandek il-ġuħ imma għandu l-poter li jġiblek memorji sbieħ. It-togħmiet jistgħu jfakkruk f’affarijiet li ġraw snin ilu u li kienu ġew midfuna x’imkien fis-subkonxju, u togħma waħda familjari toħroġ dawn il-memorji u għall-inqas, f’moħħna nerġgħu ngħixuhom mill-ġdid. Fil-fatt għal mumenti twal, waħdi f’dak ir-restorant, kont qed ngħix fil-passat, fi żmien ieħor u f’post ieħor. Sfortunatament dak il-mument għadda wkoll. Għax l-ikel tant kien tajjeb li spiċċajtu f’kemm trodd salib. U dan meta lanqas kelli wisq ġuħ, aħseb u ara kieku kelli.

Fuq il-menu wieħed isib l-istuffat tal-fenek, fwied tal-fenek, klamari mimli, ravjul magħmul bil-ġbejniet, spagetti biz-zalza tal-fenek, ħut u braġjoli. Iddeċidejt li l-braġjoli nħallihom għal darb’oħra li naħseb se jkun fil-futur qarib.

Il-capuccino kien tajjeb ukoll, magħmul minn kafé ta’ kwalitá tajba u ammont ta’ ħalib eżatt u mhux mifqugħ bil-ħalib kif issibu f’ċerti postijiet. Peró nixtieq li r-ristoranti kollha madwar Malta jeħduha drawwa li joffru tazza ilma lill-klijenti tagħhom, speċjalment meta jordnaw xi kafé, u għandu jkun totalment obbligatorju meta jordnaw espresso. Ciappetti, jekk jogħġobkom.

Wieħed ma jistax igerger mis-servizz, li kien eċċellenti. L-ikel wasal malajr u bi tbissima, iżda I-aktar aspett li jispikka hija l-atmosfera ta’ dan il-post, u allaħares ma kienx hekk. Ma nistax nimmaġina li wara li tagħmel sigħat timxi madwar din il-belt ġawhra, kellek tmur tiekol f’post li ma joffrix ambjent li jaqbel ma’ dak li ssib barra l-bieb. Imma jidher li s-sidien investew ħafna ħsieb biex jagħmlu dan ir-restorant verament wieħed b’atmosfera Maltija. 

L-unika ħaġa kont nagħmel hu li nżid l-isem bil-Malti fuq il-menú jew anke nagħti l-isem Malti bħala l-isem prinċipali tal-ikla u noffri traduzzjoni bl-Ingliż. U kif qegħdin fiha, fuq il-menus tagħna għaliex ma nibdewx noffru traduzzjonijiet bil-lingwi prinċipali Ewropej meta tikkonsidra li llum il-ġurnata għandna ħafna turisti ġejjin minn diversi pajjiżi Ewropej? Forsi wasal iż-żmien li nagħmlu wkoll traduzzjonijiet għall-Franċiż, Taljan, Ġermaniż, Spanjol u anke Russu.

Il-ħinijiet tal-ftuħ huma iqsar fix-xitwa milli fis-sajf. Fil-fatt, bħalissa jiftħu kuljum imma biss għall-ikla ta’ nofsinhar għalkemm nhar ta’ Ġimgħa u s-Sibt jiftħu wkoll għall-ikla ta’ filgħaxija mis-7pm ’l quddiem.

Ciappetti joffru wkoll ikel li hu ħieles mill-glutina u wieħed għandu jsaqsihom għal dan.

More in Socjali