8,800 pastizz fil-ġimgħa minn triq waħda

Fi triq waħda San Ġwann u minn tliet ħwienet

 

L-ILLUM iddeċidiet li din il-ġimgħa toħroġ fi triq f’San Ġwann biex tesplora n-negozju tal-pastizzi. Fi triq partikolari, hemm tlett iħwienet tal-pastizzi tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod minn xulxin. Bejniethom dawn ibigħu madwar 8,800 pastizz fil-ġimgħa, medja ta’ aktar minn 1,200 kuljum.

Mill-bidu nett ikolli niddikjara l-interess tiegħi u nammetti li jien wieħed li nħobb il-pastizzi – kull tip ta’ pastizz…u għal min għandu moħħu maħmuġ, qed nirreferi għall-pastizzi tal-irkotta u tal-piżelli. Anke meta kont ngħix barra minn Malta kont nixtri l-pastizzi friżati magħmulin minn Maltin tal-Awstralja u kultant żmien nitfa’ pakkett minnhom fil-forn biex inkun nista’ ngawdi din it-togħma li toriġina minn din il-gżira. U issa li ninsab imdawwar bihom, ma jonqosx li forsi niekol aktar milli jmissni. Jien naf li dawn mhumiex l-aktar ikel nutrittiv u nammetti li kieku ma kontx naf dan, kont probabbli niekol ħafna aktar pastizzi. Is-sid ta’ wieħed minn dawn il-ħwienet qalilna li fil-fatt, il-bejgħ naqas sew f’dawn l-aħħar snin.

Imma anke bħala konsumatur regolari tal-pastizzi, id-diskursata qasira li kelli ma’ dawn is-sidien tal-ħwienet kienet informattiva ferm. Tgħallimt, per eżempju, li tilar, jew landa, jista’ jkollu 24, 30 jew 35 pastizz fih. Waqt li kien qed idaħħal it-tilari tal-pastizzi fil-forn meta deffist imnieħri fin-negozju tiegħu, dan l-istess sid qalli li t-tort huwa tal-iskejjel li qed idawwru t-tfal kontra tagħhom. Bl-aroma tal-pastizzi madwari f’qalbi għidt, ‘x’ħasra!’ Iżda b’moħħi għidt, ‘l-iskejjel għandhom responsabbiltá li jagħtu lit-tfal edukazzjoni dwar in-nutrizzjoni.’ Minkejja dan, xorta jbiegħ madwar għaxar tilari ta’ 24 pastizz kuljum, jiġifieri madwar 240 kuljum. Staqsejtu jekk in-nuqqas tal-bejgħ tal-pastizzi kienx ifisser bejgħ ogħla ta’ prodotti oħra. Qalli li n-nies qed jippreferu jixtru t-torti tat-tiġieġ u l-faqqiegħ. Din kienet l-istess esperjenza li kellu sid ta’ ħanut ieħor li tkellimna miegħu li qal li kien hemm żieda fil-bejgħ tat-torti tat-tiġieġ. Dan għadu jbiegħ ammont sostanzjali ta’ pastizzi – 110 tilar ta’ 30 pastizz fil-ġimgħa, jew medju ta’ 470 kuljum. Dan l-istess sid qalilna li l-bejgħ ivarja skont il-ġurnata tal-ġimgħa. Nhar ta’ Ġimgħa u s-Sibt jinbiegħu ħafna aktar.

It-tielet ħanut li żorna jbigħ aktar pastizzi mit-tnejn l-oħra, 15-il tilar ta’ 35 pastizzi kuljum, jiġifieri 3,675 fil-ġimgħa. Minkejja dan, xorta ra nuqqas fil-bejgħ tal-pastizzi imma kien hemm prodotti oħra li baqgħu jimxu tajjeb bħall-pizza, l-aranċini, l-qassatat, u t-torti.

Ma stajtx ma naħsibx li jekk minn triq waħda, minn tlett iħwienet, jinbiegħu ’l fuq minn 8,000 pastizz fil-ġimgħa, kemm jiġu kkunsmati pastizzi madwar il-pajjiż meta naraw tant ħwienet tal-pastizzi ma’ kullimkien?

 

More in Socjali