L-unika policy tajba għall-obeżitá hija dik li titwettaq

Chris Fearne qal li l-Gvern se jkun qed jippromwovi d-dieta Mediterranja

Waqt li kien qiegħed jitkellem f’konferenza tal-Ministri tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropeja li saret fl-Olanda, dwar titjib fil-prodotti tal-ikel għall-għażliet aħjar għall-saħħitna, is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa, Chris Fearne qal li l-unika policy tajba biex tikkumbatti l-obeżitá hija dik li fil-veritá tiġi mwettqa.

Fearne qal li l-problema tal-obeżitá fit-tfal, hija problema reali li ta’ kull sena qed issir dejjem agħar, b’konsegwenzi kbar fuq il-popolazzjoni u s-sistema tas-saħħa. “It-tfal obeżi se jsiru adulti obeżi, b’riskju akbar li jbatu minn ċertu kundizzjonijiet, fosthom mard kardiovaskulari, dijabete, kanċer u atrite,” qal Fearne.

Huwa qal li għaldaqstant f’pajjiżna qegħdin nagħmlu diversi programmi bex nibdew nindirizzaw din is-sitwazzjoni. Fearne ħeġġeġ lill-awtoritajiet Ewropej u diniji tas-saħħa sabiex jibdew jaghtu l-istess impenn u riżorsi sabiex jindirizzaw l-obesita daqs kull kondizzjoni medika oħra. 

“Bħala dipartiment tas-saħħa, aħna nfejqu l-mard u l-kundizzjonijiet; dijabete, kanċer u problemi tal-qalb, iżda għandna ma nikkurawx l-obeżita. Dak li nieklu jaffettwa u għalhekk irridu nibdew propju minn hawn,” kompla Fearne.

Huwa qal li fost inizjattivi li se jkun qiegħed jieħu dan il-gvern, hija dik li tkompli tippromwovi d-dieta Mediterranja u li din tkun inkluża aktar fil-menus tar-restoranti.  

“Irridu wkoll niddiskriminaw b’mod tajjeb mal-ikel bnin, billi jkollna tikketti tal-ikel għall-ikel bnin u l-benefiċċji li dawn joffru għalina,” qal Fearne.

“Min-naħa l-oħra huwa veru li mhux kul ikel jagħmel l-istess effett, lill-istess persuna, u x’suppost għandek tiekol jista’ jvarja minn persuna għall-oħra, għaldaqstant irridu nkomplu ninvestu fir-riċerka għall-mediċina personalizzata, li tista’ tgħinha biex nifhmu aħjar il-problema tal-obeżita u tgħinnha negħlbuha b’aktar faċilitá,”  qal is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa, Chris Fearne.

More in Socjali