L-Inwadar – l-ewwel park għall-Gvern Laburista

Mappa tal-konfini tal-Park tal-Inwadar kif qed jiġu proposti
Mappa tal-konfini tal-Park tal-Inwadar kif qed jiġu proposti

Marsaskala, ix-Xgħajra u Ħaż-Żabbar se jkollhom park nazzjonali naturali ġdid bil-kreazzjoni tal-Park tal-Inwadar li se jkun l-ewwel park dikjarat minn din l-amministrazzjoni.

Il-Kunsilli Lokali ta’ dawn it-tliet lokalitajiet qalu li din l-inizjattiva kien hemm bżonnha fin-naħa t’isfel ta’ Malta, f’żona li fiha hemm konċentrazzjoni ta’ wirt kulturali u storiku li jeħtieġ jiġi mħares u apprezzat. Huma jilqgħu b’mod pożittiv l-impenn li jiġu mgħejuna bdiewa li għandhom għelieqi fl-inħawi.

Il-Gvern għadu kif ippubblika dokument għal diskussjoni biex jitfassal il-pjan għall-immaniġjar ta’ dan il-park li se jintuża fil-konsultazzjonijiet li se jsiru dwaru.

Dan id-dokument jissuġġerixxi tliet prijoritajiet immedjati għat-twaqqif ta’ dan il-park. Wieħed irid jinvolvi l-komunità lokali u jingaġġa l-koperazzjoni tal-komunità agrikola lokali, partikolarment biex dawn jiġu mgħejuna biex jirċievu għajnuna mill-fondi Ewropej. Wieħed irid ukoll iwaqqaf immedjatament it-tfigħ illegali ta’ żibel f’din iż-żona.

Ġew identifikati 28 azzjoni li jridu jittieħdu bl-intenzjoni li jitħares dan il-pajsaġġ. Dan jinkludi l-użu sostenibbli ta’ dan il-lokal bil-bżonn li jiġu kreati opportunitajiet attraenti rikreattivi b’armonija man-natura, li jippermettu l-pubbliku jesperjenza l-attrazzjonijiet naturali u kulturali tal-lokal, li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja fin-nofsinhar ta’ Malta u li jippromwovi l-konservazzjoni naturali. Dan kollu jsir skont business plan li jitfassal kull sena.

Id-dokument qed jissuġerixxi li l-istruttura tal-immaniġjar tal-park tkun magħmula minn Bord ta’ Governanza u minn entità għall-immaniġjar tal-Park. Il-Bord ta’ Governanza jkun magħmul minn rappreżentanza tal-partijiet kollha interessati u li twieġeb lill-Ministru għall-Ambjent. Fil-fatt, qed jiġi propost li l-Bord ta’ Governanza jkun magħmul minn ħames persuni – chairperson u erba’ membri oħra b’esperjenzi differenti, wieħed b’kompetenza fil-marketing u business management, wieħed b’kompetenza fil-wirt ambjentali, wieħed fl-iżvilupp rurali u agrikolu u l-ieħor fil-wirt kulturali. Hu propost li dawn kollha jiġu maħtura mill-Ministru responsabbli għall-Ambjent.

Il-Bord ta’ Governanza għandu d-dmir li jikkonsulta mas-sidien tal-artijiet u proprjetà oħra fil-lokal u mal-Kunsilli Lokali f’deċiżjonijiet li jaffetwaw il-komunità tal-lokal. Irid ukoll jiżgura responsabbiltà fiskali u governanza tajba.

Il-forti ta’ San Leonardu għandu bżonn kbir ta’ restawr
Il-forti ta’ San Leonardu għandu bżonn kbir ta’ restawr

L-immaniġjar tal-Park u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ mmaniġjar, propost li jsir minn tliet persuni, jiġifieri Park Manager li jmexxi l-immaniġjar, uffiċjal għall-edukazzjoni u uffiċjal xjentifiku.

Il-proġett għandu wkoll jagħti spinta lill-konservazzjoni ta’ wirt storiku ieħor fl-inħawi. Dan jinkludi diversi kappelli bħal dik ta’ San Leonardu, tal-Madonna tad-Dawl, ta’ Sant’Antnin ta’ Padova u dik ta’ San Nikola. Viċin hemm ukoll dolmen u fdalijiet megalitiċi oħra, kif ukoll il-Forti ta’ San Rokku.

30,000m² mill-park propost ġej minn żona ta’ żvilupp

Id-dokument jipproponi estensjoni ta’ 44,000m² aktar minn dak propost oriġinarjament, li minnu 30,000m² ġej minn żona ta’ żvilupp. Id-dokument jgħid ukoll li din l-estensjoni hija proposta fuq il-bażi li dan għandu jkun park komplut, u mhux bħala kumpens għall-art li ġiet trasferita minn ODZ għall-iżvilupp tal-Università Amerikana proposta fiż-Żonqor. B’din l-estensjoni, il-Park ikun entità kompleta u jarmonizza l-wirt naturali, kulturali u pajsaġġ rurali ta’ dawn l-inħawi.

Il-Kunsill konsultattiv għan-nofsinhar ta’ Malta laqa’ b’sodisfazzjon it-tnedija tal-proċess ta’ konsultazzjoni dwar dan il-park. Il-Kunsill qal li dan il-proġett se jservi ta’ mudell ta’ riġenerazzjoni ambjentali fejn l-ambjent jingħata l-valur fl-istat naturali tiegħu.  

Min-naħa l-oħra, l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) esprimiet tħassib u qalet li tittama li l-kaċċaturi u n-nassaba membri tagħha li jużaw dawn l-inħawi, ma jmisshomx l-istess xorti ħażina ta’ dawk li jużaw il-Park Nazzjonali tal-Majjistral li esperjenzaw restrizzjonijiet fl-attivitajiet tagħhom. Il-FKNK qalet li għalkemm f’dan il-‘Management Brief’ ma jidher imkien li l-kaċċa u l-insib se jkunu projbiti, xorta ħa tagħmel is-sottomissjonijiet biex tħares l-interessi tal-membri tagħha.

Il-Park tal-Inwadar qed isir għal sitt skopijiet prinċipali. Dawn huma:

  1. Li napprezzaw l-ambjent fil-forma naturali tiegħu
  2. Li jkun mudell għar-reġerazzjoni ambjentali
  3. Li jgħolli l-apprezzament għall-ħarsien tal-ambjent naturali u kulturali, ir-rikreazzjoni f’ambjent rurali, u l-amministrazzjoni li għandu bżonn park bħal dan biex jibqa’ jeżisti bħala parti minn katina ta’ parks
  4. Li jippromwovi żoni naturali bħala strument ta’ tkabbir ekonomiku
  5. Li tagħmel dan il-ħarsien tan-natura bħala sors li jżid il-kwalità tal-ħajja ta’ dawk li jgħixu fil- viċinu
  6. Li jservi ta’ katalist għal żieda fin-negozju fl-inħawi

More in Socjali