Michelle Muscat tniedi l-Alleanza għall-mard rari

F'Malta jeżistu iktar minn 600 każ ta' mard rari

Iċ-chairperson ta' Marigold Foundation, Michelle Muscat ilha, flimkien mal-fondazzjoni taħdem għal dawn l-aħħar sentejn sabiex jitwaqqaf dan il-grupp li għandu l-għan li jipprovdi appoġġ u wens lill-familja u l-pazjenti li għandhom mard jew kundizzjonijiet rari.

Din l-istess fondazzjoni se tkun qed tiġbor taħt il-kappa tagħha wkoll dawk l-għaqdiet u organizazzjonijiet ċkejknin li jindirizzaw dawn il-mard rari, li iżda minħabba n-numru żgħir ta' nies li jbatu minn dawn il-kundizzjonijiet, l-għaqdiet huma żgħar wisq fid-daqs, bil-għan li 'l-vuċi tagħhom tkun ikbar.'

Is-Sinjura Muscat saħqet li sfortunatament, dawn il-kundizzjonijiet, ħafna drabi ma jkollhomx fejqan u jkun jeħtieġ li l-pazjenti jidraw jgħixu bihom, mingħajr l-ebda tama ta' fejqan, u għalhekk hemm bżonn li jkun hemm post li dawn ikunu jistgħu jiġu riferuti għalih sabiex ikunu jistgħu jsibu l-kuraġġ u l-wens meta jaraw li huma mhumiex waħedhom imma hemm min għaddej minn xi sitwazzjoni rari bħal tagħhom.

Michelle Muscat qalet li f'Malta, jeżistu iktar minn 600 każ ta' mard rari u dan il-grupp għandu l-għan li jagħti l-wens billi jlaqqa' lil dawn in-nies flimkien.

"Dan il-mard rari jista' jġib sens ta' iżolament minħabba r-rarità ta' din l-istess marda u anke meta tiġi għall-każ ta' Malta, din ir-rarità, tkompli tikber. B'din l-alleanza, irridu ngħinuhom ma jħossuhomx waħedhom," qalet is-Sinjura Muscat.

Saħqet ukoll li dak li hi tagħmel mal-fondazzjoni Marigold li tagħha hi chairperson, hi tagħmlu mhux għax tieħu gost tara lin-nies morda imma għax verament temmen fihom.

 

More in Socjali